Sunday, December 22, 2024

BUDGET 2023: SOSTENIBBILTÀ FIL-FINANZI PUBBLIĊI

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija se tikber bi 3.5% fl-2023

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ħabbar li t-tkabbir ekonomiku għas-sena li ġejja mistenni jkun fil-livell ta’ 3.5 fil-mija f’termini reali u 7.3 fil-mija f’termini nominali. Il-Ministru elenka figuri oħra relatati mat-tkabbir ekonomiku fejn għas-sena 2024, it-tkabbir mistenni jkunu ta’ 4.3 fil-mija f’termini reali u 6.6 fil-mija f’termini nominali. Huwa kompla biex jgħid li minkejja l-isfidi internazzjonali, l-ekonomija Maltija se tkun qiegħda tikber bid-doppju ta’ dak li bih qiegħda tikber iż-żona Ewro. 

Dwar l-inflazzjoni, il-Ministru qal li din hija l-akbar indikatur ekonomiku li qed iweġġa’ moħħ l-ekonomisti. “Din is-sena li qed nistennew il-moving average tal-inflazzjoni jilħaq il-5.7 fil-mija, is-sena d-dieħla jkun fil-livell ta’ 3.7 fil-mija, 2.6 fil-mija fl-2024 u 1.9 fl-2025”, spjega Caruana. F’dan ir-rigward il-Ministru nnota li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi taż-żona Ewro u li kieku l-gvern ma ntervjeniex b’għajnuniet f’diversi oqsma, hu stmat li pajjiżna kien isib postu fis-seba’ jew it-tmien post.

Il-Gvern fiduċjuż li jilħaq il-miri fiskali tiegħu

Tkellem ukoll dwar id-defiċit tal-pajjiż fejn qal li kif indika aktar kmieni din is-sena dan inżamm kif previst u se tingħalaq is-sena b’defiċit ta’ 5.8 fil-mija. Filwaqt li se jiġu vvutati xejn inqas minn €580 miljun biex tinżamm l-istabbiltà fejn tidħol l-enerġija, id-defiċit għas-sena li ġejja se jkun ta’ 5.5 fil-mija bil-gvern jinsab kunfidenti li jilħaq dawn il-miri. Dan anke fi sfond li f’dan il-bugdet ma ddaħħlu l-ebda taxxi ġodda u ma kienx hemm żidiet f’taxxi eżistenti. Fl-2024 id-defiċit mistenni jkun fil-livell ta’ 4.2 fil-mija biex imbagħad fis-sena ta’ wara jinżel għal 2.8 fil-mija. Il-Ministru qal li l-fatt li d-defiċit tal-pajjiż se jonqos, għalih bħala ekonomista hija ferm importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet għal pajjiżna.

Il-Ministru qal ukoll li huwa mistenni li wara l-2024, id-dħul tal-gvern jibda jaqbeż in-nefqa rikorrenti tiegħu. Żied jgħid li minkejja dan, il-gvern bl-ebda mod mhu jara li jitfa’ piżijiet ġodda fuq iċ-ċittadini fis-snin li ġejjin.

In-nefqa kapitali għas-sena d-dieħla se tkun iktar minn dik ta’ din is-sena b’madwar €920 miljun, anke grazzi għal fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Spjega li 20 fil-mija tan-nefqa kapitali ta’ din is-sena kienu ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Huwa kompla biex jgħid li din l-għajnuna se tiżdied fejn is-sena li ġejja, terz tal-fondi kapitali li se jkunu qed jintefqu se jkunu ġejjin minn dawn il-fondi. Dawn se jintefqu f’setturi importanti bħalma huwa l-enerġija.

Hawnhekk il-Ministru saħaq dwar l-intervent massiċċ tal-gvern biex jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u spjega li s-sena d-dieħla dan is-sussidju hu stmat li se jkun qiegħed jassorbi €1 għal kull €10 mill-ispiża rikorrenti tal-gvern. Enfasizza jgħid li l-uniċi ministeri li normalment jassorbu din l-ispiża huma dawk soċjali u tas-saħħa u s-settur tal-edukazzjoni li jqarreb xi ftit lejn din in-nefqa.

Il-Ministru saħaq li dan kollu imħabbar qiegħed joffri stabbiltà għax filwaqt li l-gvern baqa’ għaddej bil-ħidma u jfassal il-proġetti tiegħu, saret reviżjoni għaqlija fil-pjan tiegħu li se jwassal biex id-dejn ikompli jonqos.

Il-livell tad-dejn tal-pajjiż se jibqa’ inqas mill-medja tal-UE

Il-Ministru Caruana fakkar li meta fl-2013 ġie elett dan il-gvern, dakinhar il-piż tad-dejn tal-pajjiż kien fil-livell ta’ 70 fil-mija. Minkejja l-pandemija u l-kriżi tal-enerġija li swew lil dan il-pajjiż €1 biljun, id-dejn tal-pajjiż se jkun għadu fil-livell ta’ 60 fil-mija li huwa b’madwar 9 fil-mija inqas mill-medja tal-bqija tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. “Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tifhem x’qegħdin nagħmlu u minħabba f’hekk, hi kemm hi kbira l-kriżi, il-gvern xorta jinstab fi stadju li jibqa’ jimplimenta l-manifest elettorali tiegħu”, tenna l-Ministru Caruana.

Fuq firxa aktar wiesgħa ta’ x’qiegħed jiġri f’pajjiżi ferm ikbar minna fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru qal li tajjeb li niftakru li ftit kilometri bogħod minna, fl-Italja hemm Prim Ministru ġdid li fl-ewwel jiem tagħha fil-kariga qed tara kif tista’ tnaqqas id-daqqa li se jieħdu l-familji u n-negozji bl-inflazzjoni dejjem tiela’. Min-naħa l-oħra huwa nnota kif pajjiżna huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li assorba d-daqqa kollha taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. 

Il-Ministru fakkar li filwaqt li fil-kriżi finanzjarja ta’ bejn l-2008 u l-2009 kellha bżonn madwar €100 miljun biex tkampa, bil-kriżijiet tal-aħħar xhur il-korporazzjoni kellha bżonn €600 miljun biex tkompli topera. Il-fatt li l-gvern daħal biex jagħmel tajjeb għal din l-ispiża, b’danakollu xorta baqa’ fi stat li jgħin lil min jiflaħ l-inqas fis-soċjetà.

Rigward in-negozji, il-Ministru qal li minn diskussjonijiet varji li kellu, is-sidien hu stmat li kienu jifilħu biss għal madwar 30 fil-mija f’żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Madanakollu li kieku mhux għall-intervent tal-gvern, l-ispiża kienet tkun ferm akbar u li konsegwentament ħafna minnhom kienu jogħtru.

Ekonomija

Sport