Sunday, December 22, 2024

“Budget 2025: Ġimgħa ta’ deċiżjonijiet għall-kwalità f’kull settur” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li matul il-ġimgħa li ġejja se jitħabbru bosta deċiżjonijiet marbuta mal-Budget 2025.  Spjega li l-miżuri se jitħabbru fid-dawl li l-pajjiż irid isostni l-Budgets ta’ qabel, iżda fl-istess waqt li tiġġedded l-ekonomija għal mudell iktar iffukat fuq il-kwalità.

Meta kien qed jitkellem f’attività li għalqet sensiela ta’ diskussjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħatejn organizzati mill-Partit Laburista bit-tema ‘Inġeddu Malta Pajjiżna’, il-Prim Ministru qal li permezz tal-Budget, il-Gvern irid jagħti direzzjoni fuq l-għażliet tajbin li għandhom isiru għall-ġid tas-saħħa fiżika u mentali tagħna.  Spjega kif dawn id-deċiżjonijiet iridu jsiru biex noħolqu soċjetà ta’ żgħażagħ b’saħħithom għall-futur ta’ pajjiżna. 

Qal li għalkemm għada huwa l-jum tal-Budget, din is-sena l-Gvern se jkun qed jiffoka fuq Budget Week.  Spjega kif minbarra l-miżuri fiskali li se jitħabbru għada, matul il-ġimgħa se jitħabbru diversi deċiżjonijiet minn kull Ministru rispettiv li se jagħti direzzjoni fejn irridu mmorru f’dak is-settur għaż-żmien li ġej.

Semma kif l-ekonomija Maltija hija robusta bi tkabbir ta’ 5%, kuntrarju għal pajjiżi oħrajn li għandhom ritmu ekonomiku kajman.  Il-Prim Ministru qal li dawn iċ-ċifri se jinbidlu f’miżuri li jirrendu titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.  Irrefera għall-ftehim kollettiv ġdid li se jgawdu minnu eluf ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku, li l-Prim Ministru qal ġie negozjat biex il-ħaddiema taċ-ċivil jieħdu żieda oħra fil-paga fuq dak li għandhom diġà.

Il-Prim Ministru qal li fil-Budget 2025 se titnaqqas l-income tax li se tkun l-iktar darba li qatt se jitnaqqsu t-taxxi f’pajjiżna.  Antiċipa wkoll li se jkomplu jissaħħu l-benefiċċji soċjali, il-pensjonijiet, u s-sussidji tal-enerġija, filwaqt li qal li se jitħabbru dettalji dwar studju li qed isir dwar il-Labour Migration Policy fost l-oħrajn. 

Il-Prim Ministru qal li l-Budget t’għada se jkun b’differenza għax filwaqt li jenfasizza l-qagħda tal-but tan-nies, li hija kruċjali, trid tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies.  Sostna li dan se jkun possibbli wara li l-Partit Laburista mar għand in-nies fil-lokalitajiet, u sema’ x’għandhom xi jgħidu qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’pajjiżna.  Spjega kif dan l-eżerċizzju jrid ikompli jsir f’sens ta’ għaqda nazzjonali u qal li d-diskussjoni trid tkun mingħajr ma jiġi attakkat ħadd u mingħajr partiġġjaniżmu politiku.

Fid-diskussjoni li saret illum, ħadu sehem l-erba’ rapporteurs li kien hemm f’kull tema diskussa fil-ġimgħatejn li għaddew, li kienu l-Professur Lino Bianco, il-kittieb u xandar Joe Julian Farrugia, l-ekonomista Kirsten Cutajar Miller u lill-antropologa Dott. Rachael Scicluna. 

Ekonomija

Sport