Saturday, December 21, 2024

Budget 2025: X’qed nistennew minnu?

Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tal-klassi tan-nofs;

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għada se jippreżenta l-Budget għas-sena 2025, budget li mistenni jġedded it-tajjeb li diġà sar f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin u jindirizza l-bżonnijiet ta’ għada biex l-ekonomija dejjem tibqa’ stabbli. Huwa mistenni li dan il-baġit jintroduċi miżuri li fuq kollox jassiguraw il-ħarsien u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru Robert Abela diġà ħabbar li dan il-budget se jkollu enfasi fuq is-soċjal u dan bil-għan li tingħata l-opportunità li kulħadd jimxi ‘l quddiem. Barra minnhekk, miżura li semma’ li ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna hija dik li se jsaħħaħ il-klassi tan-nofs li mistennija jibdew jgawdu minn tnaqqis fil-ħlas tat-taxxa tad-dħul.

X’inhuma l-isfidi bħalissa?

Kollox jindika, minn dak li intqal s’issa, li dan it-tnaqqis se jwassal għal żieda ta’ €600 fil-but ta’ dik li tissejjaħ il-klassi tan-nofs. Imma, quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet, li ma ħariġx s’issa huwa min eżattament se jgawdi minn dan? Meta ngħidu klassi tan-nofs x’qegħdin nifhmu?  

Għal kuntrarju ta’ budgets preċedenti ma tantx issemmew miżuri għal dawk li qegħdin fi ġlieda kontinwa biex ilaħħqu mal-ħajja. Dawk li b’mod kontiwnu fl-aħħar xhur sabu ma’ wiċċhom prezzijiet dejjem jogħlew kemm ta’ ikel u mediċinali.

Fid-dokument ippublikat tal-prebudget hemm grafika li turi biċ-ċar l-effett pożittiv li ħalliet l-iskema stabbiltà, li iżda turi wkoll li fix-xahar ta’ Ġunju l-prezzijiet f’Malta tal-ikel kienu aktar minn tal-UE. Prezzijiet ogħla tal-bżonnijiet bażiċi jaffettwaw b’mod negattiv ħafna lill-pensjonanti u dawk bi dħul baxx.

It-tnaqqis fit-taxxa se joffri nifs lil diversi kategorji imma, hemm ċertu problemi li huma ħafna aktar fil-fond. Apparti li l-familji huma mifnija minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, żdiedet ukoll l-ispiża marbuta mal-għixien u aċċess limitat għal akkomodazzjoni soċjali, b’ħafna qegħdin jispiċċaw fil-kera, bi prezzijiet li dejjem telgħin.

Skont studju li sar mill-Bank Ċentrali għandna sitwazzjoni fejn 90 fil-mija tal-ġid jinsab biss għand 10 fil-mija tan-nies. Dan ifisser b’mod ċar li t-tqassim tal-ġid mhuwiex isir b’mod ugwali u għalhekk, id-differenza bejn min għandu ħafna ġid u min m’għandux hija kbira u d-differenza aktar m’huwa jgħaddi żmien, aktar qiegħda tikber.

Hija sfortuna li s’issa, l-ekonomija dejjem tikber urietna li min qiegħed igawdi se jkompli jkabbar il-ġid u l-qligħ tiegħu, waqt li dak li qiegħed fil-qiegħ, qiegħed ikompli nieżel. Huwa minħabba f’hekk li l-budgett huwa importanti biex ikun hemm distribuzzjoni aktar ekwa tal-ġid.

Għandna sitwazzjoni f’pajjiżna fejn 15 fil-mija tal-ħaddiema jagħmlu xogħol full time u xogħol part time. Dan isir biex ilaħħqu mal-ħajja. Hija inkwetanti li għandna l-valur reali tal-paga tal-ħaddiema li kompla jiċkien u l-istatistika turi li kien hemm żieda fl-inugwaljanza bejn il-profitti tal-ftit u l-pagi tal-ħaddiema. Iż-żieda fil-COLA kienet essenzjali u jidher li għalkemm din mhux se tkun bħas-sena l-oħra, xorta waħda se jkun hemm żieda.

Punt ieħor li wieħed irid jagħti kasu huwa kif iż-żgħażagħ, li huma l-futur ta’ dan il-pajjiż, qegħdin iħarsu lejn il-pajjiż. Minn stħarriġ ta’ Ernst and Young ħareġ li aktar minn 90 fil-mija taż-żgħażagħ iqisu l-pagi f’Malta bħala baxxi b’mod partikolari meta mqabblin ma’ ta’ pajjiżi oħra. Iż-żgħażagħ huma mifnija l-aktar mill-prezzijiet tal-proprjetà. Dan flimkien ma’ rata għolja ta’ żgħażagħ li mhux ikomplu jistudjaw.

Jidher li issa, wara snin ta’ tkabbir ekonomiku, wara snin ta’ politika li naraw kif nagħmlu biex l-ekonomija tkompli tikber, hemm bżonn li wieħed jaħseb u janalizza t-triq ‘il quddiem. Argument kardinali li l-politiċi qegħdin jimxu bih huwa dak li jżidu l-flus fil-but għax b’hekk in-nies jonfqu aktar. Iżda, il-flus m’għadhomx kollox għal ħajja tal-Malti. L-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja huma importanti. 

X’mistenni mill-Budget 2025

Imsejjes fuq miri għas-sostenn ta’ ekonomija reżiljenti u robosta, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-ħarsien u t-titjieb tal-kwalità tal-ħajja, ħidma għal infrastruttura sostenibbli u ambjent aktar san, dan il-budget mistenni jmiss pilastri importanti għaż-żminijiet li ninsabu fihom.

Fil-Budget ta’ għada l-mira tal-Gvern mistennija li tkun dik li jkompli jkun ta’ spalla għall-familji, għall-vulnerabbli, għan-negozji u għall-poplu in ġenerali. Għajnuniet li kienu qegħdin jingħataw qabel, jidher li se jibqgħu hemm. Fosthom is-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jserrħu ras in-nies.

Tul leġislaturi Laburisti l-poplu Malti ra titjieb qawwi fil-kwalità tal-ħajja b’miżuri soċjali storiċi fosthom żieda rekord fil-pensjonijiet, trasport b’xejn, servizzi ta’ childcare b’xejn, investimenti u twettieq ta’ proġetti infrastrutturali kbar, servizzi u miżuri ġodda kif ukoll tisħiħ fil-protezzjoni u s-saħħa pubblika. 

Il-ħidma ta’ dan il-Gvern  tkompli u mistennija tkompli bi pjan ċar biex kull wieħed u waħda minnha jkollna futur aħjar. F’dan iċ-ċiklu annwali ġdid finanzjarju wieħed irid iżomm f’moħħu li minkejja l-fatturi esterni bla preċedent li kellna u għad għandna minn influwenzi barranin, l-ekonomija tagħna baqgħet b’saħħitha u reżiljenti.

Issa wasal żmien biex l-ekonomija mhux biss insaħħuha ħalli tikber, iżda nagħtuha direzzjoni ta’ fejn irridu naraw lill-pajjiżna jmur. Il-Gvern irid jagħti direzzjoni fuq x’ se jiġri mill-barranin li ħafna Maltin jarawhom bħala problema u jagħti soluzzjonijiet ta’ kif se nindirizzaw il-problemi li ħafna qegħdin iħabbtu wicchom fosthom it-traffiku u l-infrastruttura.

Gvern li jagħti direzzjoni u jgħin lill-ħaddiema

Il-mudell ekonomiku serva tajjeb lill-pajjiż. Madankollu, fil-Budget 2025 mistennija miżuri fir-rigward għal diversifikazzjoni b’setturi sostenibbli u innovattivi fosthom teknoloġija ħadra, enerġija rinovabbli u innovazzjoni diġitali. Imsemmi wkoll u għaldaqstant mistenni, investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal benefiċċji ekonomiċi aktar wiesgħa li jagħtu opportunitajiet lill-ħaddiema Maltin jaqilbu għal xogħlijiet ta’ kwalità li jħallsu aktar.

Il-viżjoni tal-Gvern hija dik li jkompli jinvesti fl-infrastruttura f’setturi ewlenin bħalma huma tal-enerġija, tat-trasport, tal-immaniġjar tal-iskart u dak tal-ilma. Dan kollu huwa parti mill-ħidma li diġà bdiet għal diversifikazzjoni, sostenibbiltà u inklussività.

Gvern li mistenni jkompli jkun ta’ spalla għall-familji Maltin

B’enfasi fuq is-soċjal, f’dan il-Budget il-Gvern mistenni li jkompli jkun ta’ spalla għall-familji Maltin hekk kif kien f’dawn l-aħħar snin fl-aktar mumenti diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19 u wara minħabba l-inflazzjoni kkawżata prinċipalment mill-Gwerra fl-Ukrajna. Dan permezz ta’ sussidji fil-kontijiet tal-enerġija li b’dan il-Budget mistennija li jkomplu.

L-ewwel aħbar tajba f’dan il-budget hija dik li għal darb’oħra, Gvern Laburista mhuwiex se jintroduċi taxxi ġodda. Din waħidha, diġà hija spinta pożittiva b’mod speċjali għan-negozji. Barra minnhekk, Budget 2025 mistenni li jinkludi inċentivi fiskali għal ekonomija b’saħħitha u għal darb’oħra l-pensjonanti mistennija jgawdu. 

Fl-istess ħin, fil-pjan tas-sena d-dieħla mistenni li pajjiżna jnaqqas id-deficit għal taħt it-3% u d-dejn fil-konfront tal-Prodott Gross Domestiku jżommu inqas minn 60%. Ħidma li flimkien mal-inflazzjoni kienet prijorità fil-Budget 2024 biex biha nkunu konformi mar-regoli stipulati mill-Unjoni Ewropea. 

Huwa mistenni li b’dan il-Budget il-Gvern jerġa’ jippreżenta budget soċjali u ġust li jkompli jagħti serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji bl-aqwa għodda għal prosperità u fl-istess ħin ikollna ekonomija lokali robusta u sostenibbli.

L-imsieħba soċjali bi rwol importanti li jipproponu…

L-interess tal-ħaddiema, membri u gruppi fuq il-mejda

Ta’ kull sena l-poplu Malti jistenna bi ħġaru budget li jgħinu u jtejjiblu l-kwalità tal-ħajja. Il-proposti mill-imsieħba soċjali, inklużi minna bħala General Workers’ Union (GWU) saru u dak kollu li se jitħabbar għada li jmiss mas-soċjal u miżuri favur il-ħaddiema, żgur li se jintlaqgħu tajjeb.

Rispett għall-ambjent b’infrastruttura u t-turiżmu sostenibbli

Il-miżuri li se jitħabbru għada mistennija li se jmissu ma’ pilastri oħra kruċjali għall-ekonomija u l-iżvilupp ta’ pajjiżna fosthom dak turistiku u infrastrutturali b’rispett għall-ambjent. F’dawn l-aħħar snin is-settur infrastrutturali lokali kiber ħafna biex jilqa’ għad-domanda preżenti u biex pajjiżna jkompli javvanza. Pass importanti, fost inizjattivi oħra, li ttieħed minn dan il-Gvern kien dik li l-kuntratturi f’pajjiżna jkunu liċenzjati. Din il-miżura tant meħtieġa kienet suċċess hekk kif il-maġġoranza assoluta tal-kuntratturi f’pajjiżna applikaw għal din il-liċenzja. 

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin diġà kkonsultat mal-Gvern  qabel il-Budget u ż-żewġ partijiet mistennija jaħdmu aktar flimkien għal żvilupp infrastrutturali aktar sostenibbli fejn ix-xogħol ikun regolat u sigur, b’rispett għall-ambjent, kif ukoll li ma jkunx ta’ inkovenjent għal residenti viċin siti ta’ kostruzzjoni. 

Fejn jirrigwarda s-settur turistiku f’laqgħa li l-Prim Ministru kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qabel l-Budget 2025, qal li lest jitkellem dwar riforma favur standards ogħla fis-settur turistiku. Hawn huma mistennnija miżuri ġodda, kif diġà kellna fost l-oħrajn tal-iskills card u investiment għal titjib fis-settur b’enfasi aktar lejn il-kwalità milli l-kwantità. Dan biex it-turisti li jżuruna jħallu introjtu b’saħħtu u fl-istess ħin b’rispett lejn ir-realtajiet u l-bżonnijiet ta’ Malta.

Għal dawn l-aħħar snin Gvern Laburista b’mod fattwali ħass il-polz tal-poplu Malti u Għawdxi u tah widen. Permezz tal-Budget 2025 nistennew li jkompli b’dan is-sentiment u ritmu. Fl-istess ħin li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija u l-infrastruttura tagħna b’mod sostenibbli u b’rispett mal-ambjent ta’ madwarna, ambjent li huwa bi dritt għax jiggarantixxi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha.

Ekonomija

Sport