“Il-Budget ta’ din is-sena mhuwiex biss dikjarazzjoni ta’ min aħna bħala pajjiż, imma ta’ x’naspiraw li nkunu. Dak li ninvestu fih illum ifisser x’pajjiż irridu nkunu għada”. Kien b’dan il-kliem li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana beda d-diskors tiegħu tal-Budget 2026 mhar it-Tnejn li għadda, f’turija ċara tad-direzzjoni politika, ekonomika u soċjali li jrid jieħu pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Is-suċċess ekonomiku li rnexxielna niksbu f’dawn l-aħħar snin jippermetti li pajjiżna jinvesti ferm aktar milli diġa investa fil-familji u n-negozji. U dan sabiex il-futur ikun wieħed aħjar u aktar ċar. Il-miżuri kollha li tħabbru fil-Budget, fil-fehma tagħna jwittu t-triq għal Viżjoni Malta 2050 li se titnieda fil-bidu tas-sena d-dieħla, bil-għan li jitkompla il-progress ekonomiku u soċjali li jtejjeb aktar il-kwalità tal-ħajja li jgħixu Maltin u Għawdxin. Fuq kollox, l-għan tal-Gvern Laburista huwa li għada jkun aħjar mil-lum. Dan b’enfasi fuq il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.
Ma nistgħux iżda nilludu ruħna u ngħidu li wasalna fejn kellna naslu u li kollox huwa jew mixi tajjeb. Kull ħadd, inkluż il-Gvern jirrikonoxxi li minkejja t-tajjeb kollu li sar, għad jonqos ferm aktar x’jitwettaq. Għalhekk dan il-Budget ta stampa qawwija li l-familja hi u se tibqa s-sisien tal-qasam soċjali li pajjiżna jrid ikompli jibni fuqu.
It-titjib li llum igawdu l-familji mhuwiex biss dak finanzjarju imma wkoll huwa tanġibbli u rifless fit-titjib tas-settur tal-edukazzjoni, tal-qasam tas-saħħa u mhux l-inqas l-ambjent fiżiku u naturali. U dan il-progress kollu jrid jittieħed fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri madwarna, fejn filwaqt li pajjiżi oħra Ewropew qed jistaġnaw u l-Gvernijiet tagħhom qed jogħtru taħt kriżi ekonomika, b’kuntrat, il-Maltin u l-Għawdxin qed igawdu minn dak li l-Gvern Malti ddeskriva bħala l-aqwa Budget fl-istorja.
Għalhekk inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għal ġejjieni sabiħ fejn il-mobilità soċjali u ekonomika tal-poplu tibqa tiela’ ‘l fuq sakemm tilħaq l-aspirazzjonijiet kemm ta’ dawk li qed jgħixu hawn illum kif ukoll ta’ dawk li għad iridu jiġu fil-futur. Ottimiżmu wkoll li pajjiżna se jkun f’qagħda storika li jilqa b’kuraġġ għall-isfidi li jista jiffaċċja.

