Wednesday, October 29, 2025

Budget b’miżuri ewlenin għat-tisħiħ u s-sostenn tal-familji Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Il-Budget 2026 se jkompli jsaħħaħ u jagħti s-sostenn lill-familji Maltin u Għawdxin b’għadd ta’ miżuri favur il-familji li jirriflettu l-prinċipji ewlenin tal-Partit Laburista msejsa fuq il-ġustizzja soċjali.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li wara l-akbar tax cut fl-istorja s-sena li għaddiet, il-Gvern qed jintroduċi miżura ewlenija ta’ tnaqqis fir-rata tat-taxxa għall-ġenituri, li tgħin direttament lill-ġenituri bit-tfal.  Qal li l-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ iktar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’għadd ta’ miżuri biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Ellul irrefera għad-diskussjonijiet li se jsiru mis-sena d-dieħla mal-imsieħba soċjali biex jiġu estiżi l-Maternity Leave, il-Paternity Leave u l-Parental Leave.  Semma wkoll il-leave ġdid bħall-Miscarriage Leave, l-NPICU Support Leave u l-Bereavement Leave għal ġenituri li jkunu tilfu wild. Ellul qal li l-Gvern huwa impenjat ukoll li jsaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-famlja b’iktar remote working għal iktar flessibilità lill-ħaddiema. 

Il-Membru Parlamentari Cressida Galea qalet li l-miżura tal-Parent Rate se tolqot 68,000 familja li se jibqgħalhom fil-but tagħhom mal-€160 miljun.  Spjegat kif din ir-rata tat-taxxa għall-ġenituri se tirrendi fi tnaqqis sa €10,000 fis-sena fit-taxxa u medja ta’ €2,400 se jibqgħu fil-but tal-ġenituri fuq medda ta’ tliet snin.

Hija żiedet tgħid li ma’ din l-ikbar miżura, għas-sena d-dieħla l-Gvern qed iżid ukoll il-bonus tat-twelid b’€500, il-bonus tal-adozzjoni b’żieda ta’ €500 u żieda ta’ €250 fiċ-children’s allowance għal familji bi dħul baxx.  Sostniet li dawn il-miżuri juru kif il-Gvern Laburista jpoġġi l-familja fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tiegħu u jwettaq dak li jwiegħed bil-fatti.

Il-poplu qed jara u japprezza d-differenza bejn il-partiti bi Gvern Nazzjonalista kien iwiegħed u ma jwettaqx; u Gvern Laburista jwiegħed, iwettaq u jmur lil hinn minn dak li jkun imwiegħed, tant li fi 12-il sena ressaq Budget aqwa minn ieħor li jqassam il-ġid li joħloq b’mod ġust u sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport