Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-Budget t’għada se jkun massiċċ fl-inċentivi fiskali u l-aktar wieħed ambizzjuż. Dr Abela qal li pajjiżi oħrajn qed jgħollu t-taxxi u jnaqqsu l-benefiċċji, iżda pajjiżna llum huwa post sigur.
Meta kien qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista 2025 Dr Abela ta togħma ta’ wħud mill-miżuri li se jitħabbru fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet, għotjiet lin-negozji, stabilità fil-kontijiet tad-dawl u l-fjuwils, żieda fiċ-children’s allowance, u fuq kollox ebda taxxa ġdida. Fisser kif il-Budget t’għada se jkun qed itejjeb il-qagħda tal-familji għax familja b’saħħitha hija garanzija għall-futur.
Dr Abela żied jgħid li l-Budget mhux biss se jkun l-ikbar wieħed soċjalment, iżda wkoll se jkun qed jinvesti fil-qasam diġitali biex is-suq tax-xogħol u l-ekonomija jevolvu għal inqas labour intensive u iktar dipendenti fuq l-AI. Qal li l-miżuri li se jitħabbru għada fil-Budget, jistgħu jsiru tant li l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), qed ibassar li l-ekonomija tagħna se tkun l-akbar waħda li tibqa’ tikber sal-2030 fost il-pajjiżi taż-żona Ewro.
Dr Abela qal li t-tkabbir ekonomiku jfisser li meta jsiru talbiet minn familji li jeħtieġu sostenn, bħal fil-każ ta’ Stanley u Charmaine, il-Gvern seta’ jgħinhom għall-kura ta’ binhom tarbija, li tiswa miljuni ta’ ewro. Spjega kif wara l-intervent li sarlu, binhom qed jgħix ħajja ta’ kwalità. Żied jgħid li għada, bil-Budget, il-Gvern se jkompli jagħti sinjal qawwi t’appoġġ lill-ġenituri u lill-istudenti ħalli jibqgħu jistudjaw.
Il-Partit Nazzjonalista bla kredibilità fl-ekonomija u l-finanzi
Il-Prim Ministru qal li kruċjali huma l-ħila u l-kompetenza tal-Gvern, għax b’kuntrast din is-sena l-Partit Nazzjonalista m’għamilx dokument ta’ qabel il-Budget. Staqsa jekk lanqas għandhom min ifassal il-pre-budget document, aħseb u ara kemm jistgħu jmexxu l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż jew saħansitra jiktbu u jwettqu l-budget.
Irrimarka li l-istess nies li fi żmien Gvern Nazzjonalista tellgħu l-piż tad-dejn għal 70%, xeħtu l-konijiet fuq in-nies u farrku l-ekonomija. Spjega kif Gvern Laburista minkejja li żamm il-kontijiet stabbli, niżżel id-dejn għal 47% u se jinżamm stabbli, skont il-miri miftehma mal-Kummissjoni Ewropea. Qal li l-Gvern qed ikompli jsostni lill-familji wkoll bl-għajnuniet fil-kontijiet tad-dawl u l-fjuwils, li fl-aħħar 3 snin, kull familja se tkun iffrankat medja ta’ €6,000.
Dr Abela qal li l-akbar inkwiet tal-Partit Nazzjonalista, jekk xi darba jkunu fdati bil-Gvern, hu li mhux se jkunu kapaċi jsostnu dawn iż-żidiet li qed jagħti Gvern Laburista. Innota li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed ħafna bla ebda costings, qed joħloq anomaliji ta’ rati differenti ta’ income tax bejn settur u ieħor, u qed joħolqu inġustizzji kbar bejn settur u ieħor.
Il-Prim Ministru qal li fin-nuqqas tal-kalkoli mill-Partit Nazzjonalista tal-wegħdiet tagħhom stess kien il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li għamel stima ta’ €600 miljun tal-affarijiet imwegħda s’issa mill-PN. Dr Abela staqsa minn fejn se jiġu finanzjati dawk is-€600 miljun għax il-feasibility study li qalu li għamlu tal-PN, s’issa ma deher imkien.
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista se jibqa’ partit matur u razzjonali, mhux sieq ‘l hemm u sieq ‘l hawn biex jintgħoġob ma’ kulħadd, kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni dwar ir-riforma fl-ippjanar, li qed twiegħed kollox lil kulħadd. Spjega kif baqa’ jiltaqa’ ma’ nies u għaqdiet differenti biex jifhem aħjar it-tħassib tagħhom. Qal li l-Partit Nazzjonalista kien jaf li saru laqgħat kordjali mal-NGOs u ħarġu b’gidba li fil-Kabinett tal-bieraħ hu se jibqa’ għaddej romblu – gidba faħxija tant li r-riforma qas biss issemmiet.
Familja b’Saħħitha, Garanzija għall-Futur
Il-Prim Ministru qal li kif tixhed it-tema tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista 2025, il-Gvern iffukat fuq kif se jkompli jappoġġja lill-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, u lin-negozji, għax il-Partit Laburista jagħtihom garanzija li miegħu jafu fejn qegħdin. Sostna li għada se jkollna budget ieħor bla taxxi ġodda, bl-akbar nefqa fl-istorja fl-edukazzjoni, is-saħħa u fl-infrastruttura, għax l-ekonomija tagħna hija b’saħħitha.
Fil-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali Annwali, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li l-Budget mhux biss dokument għax joffri stabbiltà, kontinwità, sostenn u d-dinjità lin-nies. Spjega li l-budget huwa proġett tal-Gvern li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru. Qal li s-saħħa ta’ dan il-partit hija fl-idea tal-eżistenza tiegħu, li għada jista’ jkun aħjar. Appella lin-nies biex jżommu ħajja l-fjamma f’kull wieħed u waħda minna għax din hija s-saħħa tal-Partit Laburista fil-Gvern li jibqa’ garanzija tal-futur għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Konferena Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista 2025 ġiet indirizzata wkoll mill-istudent Thomas Sciberras Herrera, li tkellem dwar kemm Gvern Laburista qed jagħti vuċi liż-żgħażagħ u qed jingħataw iċ-ċans jiddiskutu temi ta’ interess nazzjonali, fosthom permezz tal-Youth Advisory Forum. Appella biex kulħadd jaħdem favur pajjiżna għax saħaq li ż-żgħażagħ huma kburin b’Malta, u jaspiraw karriera u familja tagħhom f’pajjiżna.
Il-psikjatra u ġerentologu Dr Anthony Zahra qal li l-Gvern wettaq diversi miżuri fis-settur tas-saħħa mentali, u rrimarka l-ħidma tal-Gvern biex iż-żgħażagħ jitħarsu mill-influwenza negattiva tal-media soċjali, l-għajnuna lill-ġenituri biex isir monitoraġġ aħjar tal-użu tal-internet, kif ukoll il-provvista ta’ gyms b’xejn għaż-żgħażagħ. Saħaq fuq il-bżonn li s-saħħa mentali tkun sinjal ta’ saħħa u mħabba lejn xulxin.
L-oftalmologu u ex Segretarju Parlamentari Laburista Dr Franco Mercieca qal li l-Partit Laburista għamel qabża rekord bla preċedent, bi studji juru kemm l-ekonomija hija b’saħħitha, frott ta’ tmexxija serja, stabbli u li taħdem għall-poplu. Dr Mercieca sostna li llum il-ġurnata n-nies ma jitkellmux biss fuq ix-xogħol, iżda fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u saħaq li huwa biss il-Partit Laburista li jibqa’ l-partit tas-serħan tal-moħħ u l-partit preferut mill-poplu.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-familja hija l-bidu ta’ kollox u l-pedament tas-soċjetà Maltija. Sostniet li l-Partit Laburista huwa l-garanzija tal-futur u se jibqa’ l-Partit riformista, li jimmodernizza lil Malta. Fl-aħħar nett, hija affermat li se tkompli taħdem biex iġġib riforma ġdida li tiżgura li ħadd ma jkollu jmur barra minn pajjiżna biex isir ġenitur, sabiex Malta tibqa’ pajjiż li jħaddan id-diversità u joffri opportunitajiet ugwali għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Dr Miriam Dalli qalet li fl-aħħar snin dan il-Gvern kellu l-kuraġġ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-pajjiż. Spjegat li d-diskussjoni dwar l-ippjanar tinsab fuq l-aġenda nazzjonali biex ikollna liġijiet aktar b’saħħithom. Minbarra li l-Gvern se jagħti lura Manoel Island lin-nies, u proteġa lil Ħondoq ir-Rummien, tlestew mas-60 proġett ambjentali ieħor. Qalet li Gvern Laburista huwa l-aqwa tarka tal-familji, bi track record u kredibilità, li huwa garanzija għall-futur tagħna.

