Friday, November 15, 2024

BUDGET B’SAĦĦTU DAQS DAK TA’ QABEL L-ELEZZJONI

Il-PM jirribatti għar-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-budget 2023

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta ċertezza u stabbiltà b’poplu li jaf li qiegħed fuq in-naħa tiegħu u li bi trankwillità jista’ jippjana l-futur tiegħu. Magħna n-nies jafu li akbar kemm ikunu l-isfidi akbar se tkun l-għajnuna tal-gvern għax dan huwa gvern kredibbli u kompetenti”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fit-tweġiba tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-Budget 2023.

Il-Prim Ministru stqarr li dan il-gvern ma jikkuntentax b’dak li jikseb u minkejja diversi kisbiet kbar li saru fl-aħħar snin, sostna li jinsab konvint li fis-snin li ġej, bil-manifest Malta Flimkien, pajjiżna se jkompli jinbidel biex jagħti ġejjieni aħjar lill-poplu.

L-ewwel budget minn ħamsa lejn ġejjieni aħjar

Dwar il-budget li ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet, Abela qal li dan se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa li se jeħodna lejn din id-direzzjoni. Filwaqt li rrefera għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni li kien ibbażat fuq aġenda ta’ negattività, il-Prim Ministru sostna li Gvern Laburista se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet għal dan il-poplu li bil-ħila tiegħu, b’din it-tmexxija qiegħed ikompli jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan hu gvern li jerfa’ l-piż hu biex jagħmel il-ħajja tan-nies aktar faċli

Abela qal li s-suċċess tal-budget huma l-prinċipji ta’ din l-amministrazzjoni u li ħaddieħor kien ċertament jagħżel it-triq faċli għalih u li tkun tfisser waħda diffiċli għan-nies tagħna. Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni mingħalih li b’diskors ta’ biża’ se jiggarantixxi l-futur. 

Huwa qal li din hija xi ħaġa li ħadmet ftit tax-xhur ilu meta saret l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista għax qata’ qalb kulħadd milli jikkontesta għal din il-kariga billi espona d-dejn kbir u l-problemi li hemm fil-partit tiegħu.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li mhux talli naqsu l-mediċini out of stock, iżda li l-mediċini fuq il-formularju tal-gvern, baqgħu jiżdiedu. Kellek deċiżjoni tant importanti fejn it-trasport pubbliku qiegħed jiġi offrut b’xejn għal kulħadd. 

Rigward l-għajnuna fi żminijiet ta’ sfidi, il-Prim Ministru qal li mhux talli kellna gvern li ma kienx ikkritikat li naqas milli jagħti ċertu għajnuna, iżda spiċċa kien hawn tħassib dwar jekk il-gvern baqax jerfa’ l-piż għal ċertu perjodu iktar milli kellu.

Inżammet il-wegħda ta’ prezzijiet stabbli

“Illum il-prezz tal-enerġija li qed iħallsu l-Maltin huwa nofs dak li qed iħallsu l-familji Ewropej. Illum id-dawl kif ukoll il-fjuwil huma inqas minn kemm kienu jiswew fl-2012. F’Malta, mqabbel ma’ Marzu tal-2013, il-prezz tad-dawl u tal-gass huwa 25% inqas. Madwar l-Ewropa, il-familji qed iħallsu kontijiet tad-dawl li huma 75% ogħla minn dak li kienu jħallsu fl-2013. Aħna biss għandna kontijiet orħos minn dakinhar. Sur Pesident din hija l-ikbar miżura tal-budget ippereżentat, iva għandna gvern li għażel li jerfa’ l-piż ta’ dawn iż-żidiet biex żamm il-prezzijiet stabbli,” saħaq il-Prim Ministru. Huwa tenna li l-pożittiv huwa li għandna gvern li jaħsibha differenti, filwaqt li l-Oppożizzjoni baqgħet taħsibha konsistentament l-istess. 

Abela qal li fl-aħħar xhur, sa minn qabel l-elezzjoni, kellna Oppożizzjoni li nkixfet dwar il-passat tagħha. Fakkar li l-ħafna biża’ li l-gvern se jkun qiegħed jgħolli l-prezzijiet imsemmija aktar qabel wara l-elezzjoni, iżda dik kienet il-mentalità ta’ gvern Nazzjonalista li dejjem xeħet il-piż fuq in-nies li kienet tafdah biex imexxiha.

Huwa fakkar ukoll kif minkejja tbassir ta’ riċessjoni akuta, għadda l-agħar żmien tal-pandemija, wasal Novembru u pajjiżna far bix-xogħol u bl-investiment. 

Budget wara elezzjoni daqstant b’saħħtu daqs dak ippreżentat qabilha

Il-Prim Ministru qal li l-investiment privat fi żmien Gvern Nazzjonalista kien mar fi triq li dan il-gvern ma jridx jieħu. Fakkar li sena ilu ntqal li kien budget tajjeb qabel l-elezzjoni, iżda l-elezzjoni issa għaddiet u dan huwa budget daqstant tajjeb li fost affarijiet oħra reġa’ ra lill-pensjonanti tagħna jiġu rikonoxxuti b’żieda mhux intaxxata. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-saħħa ta’ budget li jgħin lil dawk l-iżjed vulnerabbli. Fakkar fl-għajnuna massiċċa għall-ġenituri li jagħżlu li jieħdu ħsieb lil uliedhom b’diżabbiltà li żdiedet minn €500 għal €4,500 u għajnuna finanzjarja lil dawk il-persuni coeliac biex jiġu megħjuna jegħlbu sfidi ta’ saħħa li m’għandhomx kontroll fuqhom.

Il-Prim Ministru qal li l-mekkaniżmu addizzjonali ġdid tal-COLA se jwassal biex eluf ta’ familji se jkunu qegħdin jibdew jirċievu l-ewwel pagamenti fix-xhur li ġejjin.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li dan il-gvern dejjem kien favur is-sħubija ta’ ħaddiema fil-unjins u għalhekk sar l-aġġustament neċessarju biex il-ħaddiema jistgħu jirċievu l-COLA kif ingħatat din is-sena.

Iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni se jibqgħu jitqassmu

Tkellem dwar it-tax refund u qal li minkejja li kien hemm min qal li dawn iċ-ċekkijiet tqassmu biex tinxtara l-elezzjoni. Hawnhekk Abela qal li s-sena d-dieħla elezzjoni ġenerali mhux se jkun hawn però ċ-ċekkijiet xorta waħda se jkunu qegħdin jitqassmu.

Abela qal li dan il-gvern qed iżomm kelmtu skont dak li wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu. Tkellem dwar iż-żieda fiċ-childrens’ allowance li hija biss parti mill-għajnuniet li dan il-gvern kien kommess li jagħti biex l-ebda tifel jew tifla f’pajjiżna ma titħalla taqa’ lura. 

Huwa qal li dawn l-għajnuniet għandhom iservu ta’ ċavetta għal dawk il-familji li ġejjin minn familji bi dħul baxx, biex kulħadd ikollu l-opportunità li jasal. 

Mhux ta’ b’xejn il-poplu għażel kif għażel fl-elezzjoni ġenerali

Il-Prim Ministru dar fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u staqsieh, liema mill-għajnuniet kollha li ta dan il-gvern quddiem diversi sfidi kien iqaċċat u qal li mhux ta’ b’xejn ma jafx xi jwieġbu. Saħaq li din hija x’aktarx waħda mir-raġunijiet għall-mod ta’ kif il-poplu għażel kif għażel fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni nstema’ minn taħt l-ilsien jistieden lill-Prim Ministru biex iżomm kalm, iżda dan dlonk wieġbu li iktar hu ma kienx jidher kalm għax xejn ma kien qiegħed jidher jieħu gost bid-diskors tiegħu.

Fakkar dwar gvern nazzjonalista li quddiem sfidi kien idur lejn politika tal-issikkar taċ-ċintorin. Filwaqt li kompla jitkellem dwar numru ta’ żidiet fosthom bħala budget bl-akbar investiment soċjali u pubbliku fl-istorja ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru staqsa liema mill-għajnuniet kollha ppreżentati huma “sparpaljar” skont in-naħa l-oħra tal-Kamra.

Bħal dan iż-żmien sena kellna Kap tal-Oppożizzjoni li beda jara kollox griż

“Il-ġid iġib il-ġid”, kompla biex itenni l-Prim Ministru filwaqt li fakkar li wara żmien ta’ pandemija, kellha sajf ta’ normalità li wassal għal tkabbir ekonomiku ta’ 8.5 fil-mija fl-ewwel nofs ta’ din is-sena meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Saħaq li din hija fost l-ikbar rati ta’ tkabbir ekonomiku matul kemm ilha tinżamm din l-istatistika. Fakkar kif bħal dan iż-żmien sena kellna Kap tal-Oppożizzjoni li quddiem id-deċiżjoni tal-FATF “beda jara kollox griż.” 

“Sieħbi l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li noħorġu mill-grey list fi żmien tliet xhur mill-elezzjoni u jsir Prim Ministru, biċċa qatagħha u l-biċċa l-oħra żgarra bil-kbir”, żied jgħid Abela.

Ċifri tal-Eurostat juru mod ieħor dwar iż-żgħażagħ

Il-Prim Ministru qal li l-futur għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huwa wieħed sabiħ. Fakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni sar kontinwament jikkwota l-uniku stħarriġ li tant għandu għal qalbu. “Mela ħa nifqagħlek bużżieqa oħra sur Kap tal-Oppożizzjoni. Se nirreferik għal ċifri maħruġin mill-Eurostat. Bejn l-2008 u l-2013, kull sena kellna 340 żagħżugħ u żagħżugħa taħt l-24 sena li ddeċidew li jemigraw minn pajjiżna. Minn hemm ’il quddiem dak in-numru naqas bin-nofs. Iktar minn hekk, mentri qabel kellna aktar żgħażagħ jemigraw minn dawk li jiddeċiedu li jiġu lura, l-aħħar statistika turi kif f’dawn l-aħħar snin kellna l-oppost u dan għax ħloqna x-xogħol u l-opportunitajiet”, spjega l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport