Tuesday, November 4, 2025

BUDGET B’SAĦĦTU FAVUR GĦAWDEX U L-GĦAWDXIN

Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri

Aqra wkoll

Il-Budget 2026, li ppreżenta l-Ministru għall-Finanzi, għal darb’oħra, kompla jibni fuq dawk preċedenti u ta l-importanza mistħoqqha lill-gżira Għawdxija. Baġit b’saħħtu, li jirrispetta ekonomija b’saħħitha li qed tixpruna tkabbir bla preċedenti għal pajjiżna. Għal Għawdex, dan il-Budget se jfisser żieda ta’ 21% fuq in-nefqa rikurrenti, jiġifieri minn €77.9 miljun għal €94.5 miljun u żieda ta’ 81% fuq in-nefqa kapitali, jiġifieri minn €15.2 miljun għal €27.5 miljun. Dan hu rekord assolut ta’ fondi diretti ddedikati għas-servizzi u l-proġetti f’Għawdex.

Hu ta’ sodisfazzjon li ninnota li t-tkabbir li qed jirreġistra Għawdex, qed iħalli l-impatt mixtieq fuq livell nazzjonali. Ta’ min ifakkar, li qabel l-2013, Għawdex kien mazzra fuq il-finanzi tal-Gvern u mhux kontributur ewlieni kif inhu llum. Dawn huma l-fatti, u tajjeb li wieħed ma jinsiex minn fejn tlaqna. Madanakollu, irridu nibqgħu prudenti u persważ li bit-tmexxija ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, pajjiżna ser jibqa’ miexi ’l quddiem.

Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hi waħda ċara. Il-prijorità ewlenija għas-sena li ġejja ser tkun dik li l-infrastruttura tal-gżira, mid-diversi aspetti tagħha, titjieb. L-għan aħħari se jkun li Għawdex ikompli jagħmel il-qabża ta’ kwalità tant meħtieġa fid-diversi oqsma; ħidma li se tkun qed tikkumplimenta l-viżjoni mnedija fl-2023 mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) dik ta’ Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi, u anke l-viżjoni olistika tal-Gvern għas-sena 2050.

Toroq aħjar, trasport alternattiv u prijorità lill-konnettività  

Matul din is-sena, komplejna ninvestu b’mod sostanzjali fl-infrastruttura ta’ Għawdex biex titnaqqas il-konġestjoni miċ-ċentru storiku tar-Rabat, tlestew it-toroq ta’ taħt iċ-Ċittadella u l-arterja ġdida li tgħaqqad Triq Fortunato Mizzi ma’ Triq Marsalforn, fost proġetti oħra ta’ modernizzar tat-toroq.

Matul is-sena d-dieħla, dan l-investiment ser jissokta. Il-proġett ta’ 100 triq residenzjali ġdida f’Għawdex fit-tliet snin li ġejjin, li ħabbarna fil-Budget, se jinkludi fost l-oħrajn il-fażi finali tal-bini mill-ġdid tat-triq prinċipali li tgħaqqad ir-Rabat ma’ Marsalforn. Ser inkomplu bix-xogħlijiet f’diversi bnadi oħra tal-gżira inkluż ir-rikostruzzjoni u aġġornament tas-servizzi ta’ diversi toroq arterjali fin-Nadur u l-Qala. Se jingħata bidu wkoll għax-xogħol ta’ rikostruzzjoni tat-toroq arterjali ta’ Triq San Anard, ir-Rabat, u parti minn Triq ir-Rabat, in-Nadur fost programm usa’ ta’ inizjattivi simili.

Jekk xejn, żgur li dan il-Gvern ser jibqa’ ffukat fuq konnettività aħjar għal Għawdex tagħna. Konna aħna li saħħaħna l-konnettività meta ħaddieħor qal li ser infallu u ser inkunu aħna li nkomplu ninvestu f’dan l-aspett kruċjali għall-gżira tat-tliet għoljiet. Kif diġà spjegajt, għaddejjin numru ta’ laqgħat ta’ livell għoli biex il-flotta tal-Gozo Channel tiġi modernizzata u tissaħħaħ. Hawn m’aħniex qed nitkellmu fuq investimenti żgħar imma investimenti kapitali li jeħtieġu attenzjoni u għaqal.

Dwar il-port tal-Imġarr jintqal ħafna. Irridu nkunu viġilanti u mhux nisparaw bl-addoċċ. Għalhekk ser titwaqqaf taskforce, magħmula minn nies esperti, li l-għan tagħha huwa li jiġi analizzat kif il-port tal-Imġarr jista’ jintuża b’mod aktar effikaċi u dan sabiex tissaħħaħ l-ekonomija tal-gżira għall-benefiċċju tal-komunità kollha.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett tal-Gozo Rural Airfield fil-limiti tax-Xewkija; li jinkludi l-estensjoni tar-runway eżistenti, fuq art diġà kommessa għall-iżvilupp u b’miżuri ta’ mitigazzjoni ambjentali. Fix-xhur li ġejjin, mistennija li tinħareġ sejħa pubblika għall-offerti sabiex jibda x-xogħol meħtieġ għall-ħolqien ta’ niċċa ekonomika ġdida u sostenibbli li tħares lejn turiżmu speċjalizzat u impjiegi ta’ kwalità.

Ambjent aktar b’saħħtu

Għawdex hu gżira rurali li għadha tgawdi ħafna l-aspett naturali, u hekk ser tibqa’. Minkejja dan, l-ambjent urban ser jingħata l-ispazju li jixraqlu. Nemmnu li din l-inizjattiva tgħin fil-benesseri kemm tal-Għawdxin u anke ta’ dawk li jżuru l-gżira Għawdxija.

Matul is-sena d-dieħla ser titkompla l-ħidma biex jitwettaq il-proġett tal-Victoria Park fir-Rabat. Dan il-proġett se jsir b’investiment mill-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Urban b’total ta’ €20 miljun. Dan il-proġett jinkludi r-riġenerazzjoni tal-parkeġġ biswit it-terminus tal-karozzi tal-linja fiċ-ċentru tar-Rabat, li se jiġi integrat f’park urban li joffri l-akbar spazju miftuħ għall-familji f’żona urbana. Fl-istess waqt, il-Leli Farrugia ground se jibqa’ jservi bħala ground tal-football, filwaqt li taħtu se jinbena parkeġġ għall-karozzi.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-outline development permit għall-proġett tal-Pjazza tal-Assedju, żona li se tiġi kkonvertita f’parkeġġ b’diversi sulari. Dan il-parkeġġ se jesa’ madwar 340 karozza, miżura maħsuba biex tittaffa l-problema tal-parkeġġ fiċ-ċentru tar-Rabat. Fuq dan il-parkeġġ huwa mistenni li jkun hemm ġnien ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha.

Skejjel u faċilitajiet sportivi moderni u aktar għajnuna lill-istudenti Għawdxin

Nedejna programm estensiv ta’ rinovazzjoni u bini ta’ skejjel moderni u attrezzati. Għamilna tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja tan-Nadur u fil-Middle School fir-Rabat, kif ukoll bnejna mill-ġdid tal-Iskola Primarja tar-Rabat. Matul is-sajf li għadda, inbdew ix-xogħlijiet għall-immodernizzar tal-Iskola Primarja f’Ta’ Kerċem, u matul is-sena d-dieħla, mistennija jitnedew ix-xogħlijiet għall-immodernizzar tal-Iskola Primarja fiż-Żebbuġ. In-nefqa fuq dawn iż-żewġ proġetti se tammonta għal €7 miljun.

Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jipprovdi diversi allowances u sussidji lill-istudenti Għawdxin li jattendu edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja f’Malta. Biex nissimplifikaw il-proċess ta’ applikazzjoni u fl-istess waqt insaħħu l-appoġġ finanzjarju, ser tibda tingħata allowance unika ta’ €280 fix-xahar, li se jibbenefikaw minnha ’l fuq minn 800 student. Għall-maġġoranza tal-istudenti Għawdxin, dan se jkun ifisser żieda ta’ madwar 70% fuq l-appoġġ preżenti.

Investejna sostanzjalment fil-faċilitajiet sportivi f’Għawdex, fosthom inawgurajna l-akbar ċentru sportiv multi-dixxiplinarju f’Għawdex, il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat. Matul is-sena d-dieħla, se nibdew il-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ sit u l-ħidma fuq l-athletic track bil-għan li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura sportiva f’Għawdex.

L-inizjattivi li enekjat huma ftit mill-għadd ta’ miżuri li semma l-Ministru għall-Finanzi fil-Budget 2026. Miżuri tanġibbli u fattibbli għax huma miżuri studjati.

Dan hu budget ieħor ta’ serħan il-moħħ għal kulħadd; studenti, ġenituri, ħaddiema u min iħaddem u l-anzjani. Dan hu Gvern li jaħseb f’kulħadd, Gvern li saħħaħ l-ekonomija għaliex jaf li b’ekonomija b’saħħitha ser igawdi kulħadd. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport