Sunday, November 2, 2025

BUDGET GARANZIJA GĦALL-FAMILJI

- Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Gvern Laburista żamm kelmtu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-Budget ikkonferma li Gvern Laburista huwa l-unika garanzija għall-familji. Meta kien qed jindirizza attività politika, Dr Abela sostna li Gvern Laburista żamm kelmtu u fil-Budget li għadu kif ġie preżentat se jagħti l-akbar żieda fil-benefiċċji soċjali fl-istorja li tammonta għal €120 miljun, li magħhom iridu jiżdiedu €160 miljun li jikkonsistu fl-akbar tax cut fl-istorja wkoll, u l-akbar żieda fl-istipendji fl-istorja bi 15%.

Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern irnexxielu jnaqqas il-piż tat-taxxi, imma ġabar iżjed dħul, li qed jitqassam għand in-nies, għax dan il-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern hija ekonomija għan-nies, billi kull miżura nżammet, issaħħet u daħlu miżuri ġodda. Dr Abela qal li l-familji għandhom jew m’għandhomx ulied, ma’ Gvern Laburista se jgawdu dejjem. Spjega li bit-tax cut il-familji kollha mhux se jħallsu ebda taxxa fuq minn tal-inqas l-ewwel €1,000 li jaqilgħu fix-xahar.  Magħha, il-Prim Ministru semma’ wkoll benefiċċji oħra, fosthom is-sussidju tal-enerġija.

Li kien għall-PN ġenituri b’wild wieħed ma kienu jieħdu xejn

Il-Prim Ministru qal li ħaddieħor ipprova jikkopja t-tax cut tal-Gvern, iżda sostna li b’dak li ħareġ bih ħaddieħor ħalla 30,000 familja barra mit-tax cut – dawk li għandhom wild wieħed – jiġifieri li kien għall-Partit Nazzjonalista dawn ma ħadu xejn.

Irrefera wkoll għaż-żieda fil-pensjonijiet, u qal li l-pensjonanti se jkollhom żieda qawwija kull sena, ħalli dak li serqilhom il-Gvern ta’ GonziPN jagħtihulhom kollu lura Gvern Laburista. 

Dr Abela qal li pensjonant Għawdxi li ltaqa’ miegħu qallu li hu mhux €10 żieda fil-ġimgħa biss se jirċievi minn Jannar li ġej, imma €25 żieda fil-ġimgħa għax qed tissewwa l-inġustizzja ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.  Il-Prim Ministru qal li l-pensjonanti jafu fejn qegħdin ma’ Gvern Laburista u se jkomplu jirċievu dejjem iktar żidiet.

Dr Abela qal li meta f’Jannar il-Maltin u l-Għawdxin se jibdew jirċievu ċ-ċekkijiet u żidiet fil-pagi, wieħed iktar mill-ieħor, b’kuntrast madwar l-Ewropa f’Jannar se jibda l-inkwiet ta’ żidiet fit-taxxi u l-iffriżar tal-pensjonijiet. Il-Prim Ministru kwota lill-istatistika tal-Eurostat li ħarġet din il-ġimgħa u turi li fl-Ewropa l-ekonomija ma kibret xejn, għax l-ekonomija Ġermaniża u dik Taljana naqsu jew baqgħu fejn kienu.  Irrefera wkoll għal dak li għaddej fir-Renju Unit, bil-Gvern Ingliż jgħid lil poplu tiegħu li hemm bżonn jogħlew it-taxxi biex ikun jista’ jinvesti fis-servizzi li joffri. 

B’kuntrast, Dr Abela qal li t-taxxi hawn Malta mhux bħall-Ingilterra, minflok se nnaqsuhom bil-qawwi, f’Malta mhux taxxi se nżidu, imma l-pensjonijiet se jibqgħu jiżdiedu, u mis-sena d-dieħla l-pensjonanti se jieħdu aktar mid-doppju tal-COLA.  Dwar il-familji, minbarra r-roħs fit-taxxi u ż-żieda fil-benefiċċji, se jkompli jissaħħaħ l-investiment fis-saħħa, fosthom biċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran; fl-isports, fosthom bil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku f’Għawdex; u fis-settur edukattiv b’aktar skejjel ġodda bħalma għadu kif sar fl-iskola primarja ta’ Birkirkara.

Gvern Laburista alloka €1,100 miljun fi spiża kapitali għall-Budget 2026 

Dr Abela qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’gidba meta qal li l-Budget naqqas l-ispiża kapitali tal-Gvern, u sostna li għas-sena d-dieħla ġew allokati €1,100 miljun jew tliet darbiet iktar li kienu jallokaw amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.  Irrefera wkoll għall-€100 miljun li se jingħataw lill-familji u n-negozji f’inċentivi u investiment fl-intelliġenza artifiċjali.

Tkellem dwar il-Viżjoni Malta 2050, u qal li iktar minn 400 organizzazzjoni ħadu sehem fil-konsultazzjoni li saret dwarha, l-uniku li ma bagħat xejn kien il-Partit Nazzjonalista, anke jekk intalbet estensjoni sal-aħħar t’Ottubru meta reġgħu biddlu l-Kap tagħhom.  Dr Abela staqsa jekk din hix il-paġna ġdida tal-Partit Nazzjonalista, paġna vojta, bħall-wegħdi l-oħra kollha li għamlu, filwaqt li lanqas biss ippreżenta dokument formali ta’ qabel il-budget biex il-poplu jkollu ċans jifli l-viżjoni tagħhom.  Il-Prim Ministru qal li kif jista’ l-poplu jafda t-tmexxija tal-pajjiż f’idejn il-Partit Nazzjonalista meta tara dawn l-affarijiet.

Dr Abela qal li nhar it-Tlieta fid-diskors tiegħu fil-Parlament b’replika għar-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Budget, se jkun qed ikompli juri fuq kif Gvern Laburista se jkompli jmexxi lil dan il-pajjiż. 

Sostna li l-Partit Laburista huwa l-aqwa forza tal-progress, moviment li jsarraf il-fiduċja tan-nies fi prosperità ġdida.  Temm jgħid li Partit Laburista fil-Gvern huwa favur il-familji, iż-żgħażagħ, it-tfal, il-pensjonanti, in-negozji u fuq kollox favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha, partit li se jibqa’ jagħti garanzija għall-futur.

Meta tgħin lil min iħaddem tkun qiegħed tgħin lill-ħaddiema

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Abela fakkar fil-kliem li kien jgħid l-eks Prim Ministru Mintoff.

“Il-Perit Duminku Mintoff li beda dan il-pajjiż mix-xejn kien jgħidilna li tkun qiegħed tgħin lill-ħaddiema meta int tgħin ukoll lil min iħaddem…”

Abela qal li f’dan il-budget tħabbret miżura li se tgħin lil min iħaddem, iżda wkoll lill-ħaddiema. Fil-fatt, issa jekk min iħaddem ikun se jagħti żieda fil-paga lill-ħaddiema l-Gvern se jkun qiegħed joħroġ 65% ta’ dik iż-żieda filwaqt li jekk int ħaddiem Għawdxin u taħdem Għawdex il-Gvern se jkun qiegħed iħallas 80% ta’ dik iż-żieda.

Manoel Island se ssir park nazzjonali

Waqt l-istess diskors, il-Prim Ministru qal li Manoel Island li “ħaddieħor kien se jagħmilha blokka appartamenti” se ssir park nazzjonali li se jkun qiegħed jitgawda mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Hu ħeġġeġ lill-Għaqdiet Ambjentali biex jingħaqdu mal-Gvern biex jitfassal pjan dwar kif din il-gżira ssir kollha kemm hi park nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport