Tuesday, December 24, 2024

“Budget għall-futur daqskemm hu għal-lum”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Budget 2023 li ġie ppreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana bħala “budget għall-futur daqskemm hu għal-lum.” 

F’konferenza stampa, il-Prim Ministru qal li dan huwa budget għal-lum għaliex jindirizza bl-aktar mod sod u qawwi waħda mill-akbar sfidi ta’ dan il-mument, l-għoli tal-ħajja. 

Min-naħa l-oħra, huwa stqarr li dan huwa budget għall-futur għax iċ-ċertezza u l-istabbiltà li qed tingħata llum se tħalli lill-famiji u lin-negozji tagħna jippjanaw il-ġejjieni tagħhom b’serħan il-moħħ.

Qal li dan il-Gvern jinvesti permezz ta’ għadd kbir ta’ miżuri li se jgħinu lill-familji u lin-negozji sabiex iħarsu fit-tul. “Erġajna wrejna li konna, għadna u se nibqgħu forza progressiva li għandha ruħ soċjali.”

Konferenza tal-aħbarijiet wara l-qari tal-budget

Il-Prim Ministru qal li, “Ħabbarna budget bl-akbar investiment rikorrenti fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-politika soċjali. Ressaqna budget mimli b’miżuri ġodda u innovattivi meħuda mill-manifest elettorali Malta Flimkien.”

Huwa semma fost oħrajn il-garanzija għat-tfal, iż-żieda qawwija fil-pensjonijiet u l-għajnuna lill-first time buyers.  Semma wkoll l-investiment f’ċentri tas-saħħa ġodda, tisbiħ u tkabbir ta’ ġonna u proġetti li se jgħinu fid-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li b’dan il-budget, “Kellna konferma oħra li magħna tafu fejn qegħdin. Quddiem l-isfidi nagħżlu li nkunu man-nies. Minkejja kriżi enerġetika bla preċedent li laqtet id-dinja kollha, il-familji u negozji f’pajjiżna mhux milquta mqar b’ċenteżmu wieħed fejn jidħlu l-prezzijiet tad-dawl, tal-gass u tal-fjuwils.”

Ma naqasx milli jsemmi li f’dan il-budget hemm elenkati fost l-akbar żidiet fil-benefiċċji soċjali, iddaħħlu miżuri ta’ sostenn ġdid u diversi skemi biex jittaffa l-piż li jkollhom koppji li qed jersqu biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-budget tal-lum jibni fuq il-kwalità ta’ ħajja diġà għolja li għandna u jagħmel ċert li dak li akkwistajna matul is-snin nibqgħu nħarsuh. “Għalhekk dan il-budget qiegħed b’mod proattiv, b’mod qawwi, jieħu ħsieb li nrażżnu l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna.”

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana

Sadanittant, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana nnota li mill-ewwel reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, jidher ċar li huma sodisfatti dwar il-mod ta’ kif il-Gvern qiegħed jipproteġihom f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam tal-enerġija.

 

Ekonomija

Sport