Tuesday, October 28, 2025

BUDGET IEĦOR FAVUR IL-FAMILJI 

Aqra wkoll

Il-budget li ġie ppreżentat ilbieraħ mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien wieħed b’saħħtu fejn għal darba oħra spikkat ir-ruħ soċjali tal-Gvern Laburista. Dan il-budget, bħal dawk ta’ qablu, la introduċa taxxi ġodda u lanqas żied it-taxxi eżistenti iżda żied sostanzjalment il-miżuri soċjali li jolqtu lill-familji kollha. Dan il-budget kompla wkoll it-tradizzjoni ta’ dawn l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, li jżid b’mod sinifikanti l-pensjonijiet u anke l-istipendji. 

L-investiment soċjali se jkun qed jiżdied b’€120 miljun oħra. Dan minbarra miżuri u allokazzjonijiet oħra li jiżdiedu minn sena għall-oħra. Minbarra ż-żieda fil-pensjonijiet, se tkun qed tingħata wkoll żieda oħra ta’ €500 għal dawk li jimpjegaw carer biex tieħu/jieħu ħsieb lill-anzjani. Dan il-benefiċċju se jlaħħaq id-€9,000 fis-sena.  

Ta’ min jinnota b’ammirazzjoni li l-Gvern qed jerġa’ jagħmel sforz biex tiżdied il-fertilità u dan se jkun permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa biex jinkoraġġixxi lill-familji jkollhom aktar ulied. Dan fi sfond illi l-fertilità f’Malta hija waħda baxxa ferm. 

Dan l-inċentiv huwa wieħed innovattiv għaliex qatt ma kien hemm xi ħaġa bħal din biex timbotta l-ġenituri jkollhom aktar tfal, però dejjem l-għażla finali tkun tagħhom. Skont il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, dan huwa sinjal b’saħħtu li qed jingħata f’din id-direzzjoni. 

Fil-qafas ta’ dan il-Budget qed tinżamm ukoll il-wegħda tat-tkomplija tal-assistenza mogħtija lin-negozji sabiex dawn jiġu inkoraġġiti jinvestu fil-kapital sabiex iżidu l-effiċjenza u jagħmlu l-investiment meħtieġ biex ikunu dejjem aktar kompetittivi. Qed tingħata wkoll għajnuna lis-settur privat biex itejjeb il-pagi u kreditu tat-taxxa għal min minn dawn lest ikompli jinvesti.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni tant meħtieġa għat-tkomplija tat-tisħiħ tal-ekonomija ngħatat kunsiderazzjoni xierqa f’dan il-budget billi se jingħata benefiċċju fit-taxxa ta’ 175% fuq l-infiq eleġibbli f’dawn l-oqsma. Dan kollu fil-kuntest tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-adozzjoni  tad-diġitalizzazzjoni f’pajjiżna. 

Dawn il-miżuri kollha huma riflessjoni ċara u tanġibbli tas-saħħa ekonomika li pajjiżna għandu llum u li se jibqa’ jkollu fil-futur. Għax bl-eżerċizzju tal-budget, il-poplu għandu moħħu mistrieħ li jaf fejn u kif qed jintefqu l-flejjes pubbliku, li wara kollox fil-parti kbira tagħhom jinġabru mit-taxxi tal-poplu u minn investimenti oħra tal-Gvern. Dan juru l-għaqal li qed jipprevali fil-finanzi tal-Gvern li kulma jmur qed jissaħħu aktar tant li huwa mbassar li d-defiċit u d-dejn se jkomplu jonqsu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport