Monday, December 23, 2024

BUDGET IMFASSAL FI SFOND TA SFIDI

Aqra wkoll

Il-budget li se jigi mħabbar illum għandu sinjifikat partikolari. Dan huwa budget li ġie mfassal f’kuntest ta’ Malta wara l-pandemija COVID-19 u f’kuntest ta’ kriżi ekonomika internazzjonali li kompliet tikber kawża tal-gwerra fl-Ukrajna. U filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna għadhom qed isibu saqajhom, filwaqt illi pajjiżi oħrajn għadhom jissieltu ma’ kriżi politika, il-Gvern se jħabbar budget li jiggarantixxi tkabbir ekonomiku, serħan il-moħħ u fuq kollox jibqa’ sensittiv lejn ir-ruħ socjali. 

Dan il-gvern jista’ jagħmlu biss għax tul ix-xhur li għaddew, tul is-snin li għaddew, iggarantixxa stabiltà fost il-familji u fort l-intrapriżi, kbar, żgħar u medji. Tant li pajjiżna għandu waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa. Tant li qed jiġi antiċipat li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fis-sena 2023 jista’ jilħaq sa 4.6%.

Fil-budget li se jithabbar illum, il-gvern se jkun qed jindirizza sfidi primarji fosthom l-għoli tal-ħajja. Tant li l-gvern se jkun qed jara li r-ruħ soċjali tibqa’ ċentrali fit-tfassil tal-pjan tiegħu. Dan se jagħmlu billi jiggarantixxi sussidju fuq l-ikel u l-enerġija. Spiża li se tammonta għal €608 miljun. Tant li l-gvern diġà antiċipa li fil-Budget 2023 mhux se jintroduċi taxxi godda.

Il-Gvern se jara li l-Budget jiggarantixxi t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u r-regolarizzazzjoni fiskali. Il-Gvern se jkun qed jara wkoll li permezz ta’ dan il-budget jiggarantixxi wkoll is-sostenibilità ambjentali ta’ pajiżna. Dan se jsir biex l-ambjent naturali u anke dak urban joffru l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex in-nies, il-familji u t-tfal igawdu minn ħin ta’ kwalità flimkien. 

Dan se isir ukoll biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna ma jkunx ta’ detriment għall-ambjent ta’ madwarna. Huwa għalhekk li l-miżuri ambjentali li se jkunu mħabbra fil-budget huma bbażati fuq il-viżjoni tal-Gvern għas-snin li ġejjin, il-Malta ta’ għada. Huma miżuri li jwittu t-triq għal ekonomija ħadra u reżiljenti, l-ekonomija li pajjiżna. Huma wkoll miżuri li se jwasslu lil pajjiżna biex ikollu klima newtrali sal-2050. 

Fuq kollox, dan il-budget se jara li Malta tara l-osfidi kurrenti bhala opportunità biex l-intrapriżi Maltin ikomplu jikbru, biex l-investiment barrani jkompli jikber, biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber. U biex dan jintlaħaq, il-budget se jistimola l-innovazzjoni kif ukoll ikompli jenfasizza fuq l-edukazzjoni speċjalment l-‘upskilling’ u r-‘reskilling’.

Il-budget 2023 huwa opportunità biex verament naghmlu differenza fil-qasam tal-ambjent. Huwa opportunità biex verament nagħmlu differenza f’ħajjet in-nies. Fuq kollox, huwa opportunità biex verament nagħmlu differenza fil-Malta tal-lum u t’għada.

Ekonomija

Sport