Saturday, December 21, 2024

BUDGET LI JIKKONSOLIDA

Aqra wkoll

Kif mistenni, il-ġimgħa li għaddiet kienet dominata minn Jum il-Budget 2025, nhar it-Tnejn li għadda. Budget li, fl-opinjoni tiegħi, ma tridx tħares lejh bħala xi ħaġa waħedha. Qed ngħid hekk għax mhux Budget fil-bidu ta’ leġiżlatura. Lanqas ma huwa Budget ta’ Gvern ġdid. Anke jekk Gvern bi tmexxija ġdida. Budget ta’ Gvern li issa ilu fil-poter sa mis-sena 2013.

Li rrid infisser hu li dan huwa Budget ieħor imsawwar fuq ħidma riżultat ta’ strateġija tal-istess Gvern. Budget li jkompli ma’ ta’ qablu u ma’ ta’ qablu u ma’ ta’ qablu. Budget li ma ħasad lil ħadd. Ma darras lil ħadd għajr lill-Partit Nazzjonalista! Budget li kien mistenni biex isir magħruf x’ittejjeb fuq dak preċedenti. X’iddaħħal pożittivament ġdid. U dan mhux b’kumbinazzjoni. Għax huwa Budget ieħor li ma daħħal ebda taxxa ġdida. Il-kelma ‘taxxa’ staġnat għajr biex titnaqqas. Mhux hekk il-kelma ‘żieda’. Kelli t-tentazzjoni ngħodd kemm-il darba ssemmiet il-kelma ‘żieda’ f’dan il-Budget.

Trid tħares lejh ukoll mill-isfond internazzjonali, partikolarment dak Ewropew. X’differenza! Lanqas temmen li qegħdin fl-istess kontinent, bid-differenza li aħna ras ta’ labra ħdejn il-pajjiżi l-oħrajn. U madankollu jitressaq Budget bħal dak li tressaq nhar it-Tnejn li għadda. Ma ssibx tarf mnejn tibda fejn jirrigwarda dak li se tibbenefika minnu kull faxxa tas-soċjetà Maltija. Kull qasam. Ibda mnejn trid u ara jekk tibda mnejn tibda ħlief titjib fuq li kellna ma ssibx.
Biżżejjed? Ma tafx li se jkun hawn min jgħidlek li le, mhux biżżejjed? Ma tafx li anke l-Gvern innifsu jgħidlek li għad fadal xi jsir u li jekk tgħid li wasalt allura b’mod awtomatiku tibda taqa’ lura. Tibda tistaġna.

Dan huwa Budget li kompla jikkonsolida l-mixja pożittiva li għaddej biha l-poplu. Tapprezza dan jekk ma tinsix mnejn tkun tlaqt. Il-punt ta’ tluq qiegħed f’kull settur. F’kull qasam. L-anzjani. Il-pensjonanti. Is-saħħa. L-edukazzjoni. Is-servizzi soċjali. Il-persuni b’diżabilità. Il-benefiċċji soċjali. L-istudenti. Il-mara fid-dinja tax-xogħol. It-taxxi. Il-prezzijiet tal-enerġija u l-mod li bih il-Gvern għaraf jilqa’ għalihom biex ma jbatix il-poplu. U tista’ tibqa’ għaddej. Il-paraguni odjużi, imma ma tistax ma tagħmilhomx. Aktar u aktar meta tara l-wiċċ tost u l-arroganza li biha ssir dik is-suppost kritika. Jippruvaw inessuk il-punt tat-tluq għax litteralment jistħu minnu. Jafu x’ħallew warajhom.

L-ironija hi li s-suċċess joħloq ukoll problemi ta’ diversi xorti. Bħal meta tgħid filli kien bil-ġuħ u filli spiċċa kważi kien se jifga fl-ikel. Problemi li jitolbu attenzjoni diretta. M’għandnix inkunu vittmi tas-suċċess tagħna stess.

L-għada tal-Budget stħajjilt li hawn min għalkemm qiegħed fostna donnu mhux qed jgħix fuq din l-istess blata. Qed ngħid hekk wara li rajt x’kienu t-titoli ewlenin fuq il-paġni ta’ quddiem tal-gazzetti f’pajjiżna. Jekk forsi ma rajthomx, ħalli ngħidlek x’kienu.

Malta Today: A nod to the hardworking midde class
Times of Malta: Budget boost for workers
The Malta Independent: A move from quantity to quality
l-orizzont: Pajjiż ta’ kwalità
In-Nazzjon: Baġit biex Robert Abela jsalva ġildu
Naħseb li kull kelma oħra tkun żejda.
[email protected]

Għall-attenzjoni ta’ MaltaPost

Dak li se nikkummenta dwaru mhux xi ħaġa li qalli biha ħaddieħor imma xi ħaġa li esperjenzajtha jien fil-jiem li għaddew. Ma kinetx l-ewwel darba li fil-kaxxa tal-ittri tiegħi sibt affarijiet li ma kienux intenzjonati għalija. Li għamilt kull darba kien li erġajt impustajthom biex jaslu lil min kienu jappartjenu.

Mhux l-ewwel darba wkoll li sibt affarijiet jappartjenu lili, fil-kaxxa tal-ittri tiegħi, f’jum il-Ħadd, meta allura ma titqassamx posta. Ifisser li dawn l-affarijiet ikunu twasslu għand ħaddieħor bi żball u dan/din jaf fejn noqgħod u waddabhom fil-kaxxa tal-ittri tiegħi. L-aħħar okkażjoni ta’ din ix-xorta kienet żewġ Ħdud ilu. Ħajr lil min ġentilment ħa dan l-indrigu. Esperjenzajt ukoll kif affarijiet li kont qed nistenna bil-posta baqgħu ma waslux. Nassumi li twasslu għand ħaddieħor bi żball u dan iddispona minnhom kif ried jew riedet.

Imma issa s-sitwazzjoni saret aktar gravi. F’nofs il-ġimgħa l-oħra bgħatt bil-posta lil ħabib tiegħi xi ħaġa li kont naf li japprezzaha. Ktejjeb. Kien jaf li għandu jirċevih bil-posta. Ovvjament kont naf li kellu jinfurmani li wasallu. Sa tlett ijiem ilu dan l-imbierek ktejjeb baqa’ ma wasalx għand il-ħabib tiegħi.

Kull ħaġa li nibgħat bil-posta jkollha l-indirizz tiegħi fuq wara biex jekk għal xi raġuni ma titwassalx fid-destinazzjoni tagħha terġa’ titwassal lura għandi. Imma f’dan il-każ lanqas għandi ma wasal lura. Ngħidlek mill-ewwel x’qed nissuspetta. L-envelope kien wieħed partikolari, li seta’ jagħti indikazzjoni ċara x’kien il-kontenut tiegħu. Qed nissuspetta li ‘weħel’ f’xi stadju tal-proċess tat-twassil tal-posta. Ingħoġob.

Ma kienx xi ktejjeb ta’ valur finanzjarju straordinarju, imma kien ta’ valur sentimentali ħafna. Sinċerament, aktar iddispjaċini li ma wasalx għand il-ħabib tiegħi milli li m’għadux għandi. Ma naħsibx li sparixxa fl-arja.

Ekonomija

Sport