Thursday, December 18, 2025

“Budget li jippreferi l-awsterità fuq id-dinjità tal-ħaddiema”

Inkwiet dwar il-Budget 2026 fl-Italja: L-akbar unjin fl-Italja tmexxi eluf ta’ ħaddiema biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Meloni

Aqra wkoll

L-Italja rat wieħed mill-akbar azzjonijiet ta’ tensjoni industrijali f’dawn l-aħħar snin hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema ħarġu fi strajk nazzjonali u f’manifestazzjonijiet massivi kontra l-budget propost mill-Istat għas-sena 2026. L-azzjoni, immexxija mill-akbar unjin fil-pajjiż, CGIL, kellha impatt mifrux fuq il-ħajja ta’ kuljum f’bosta bliet ewlenin, fosthom Ruma, Milan, Florence, Bologna u Turin.

L-istrajk ta’ 24 siegħa wassal għal tfixkil sinifikanti fis-servizzi tat-trasport pubbliku, tħassir ta’ ferroviji u titjiriet, skejjel magħluqa, kif ukoll pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa mhux urġenti. Eluf ta’ ċittadini nqabdu f’nofs il-konsegwenzi diretti tal-azzjoni industrijali, azzjonijiet li l-unjins qegħdin insistu li,  “fid-dawl tal-kontenut tal-baġit huma meħtieġa u inevitabbli”.

Kritika qawwija lejn il-baġit

Skont il-CGIL, il-budget għas-sena d-dieħla fl-Italja jonqos milli jindirizza l-bżonnijiet reali tal-ħaddiema u tal-pensjonanti. Dan in-nuqqas jarawh b’mod partikolari fir-rigward ta’ żidiet fil-pagi li jirriflettu l-inflazzjoni; investiment aktar sostanzjali fis-saħħa u fl-edukazzjoni; protezzjoni tal-pensjonijiet u tal-kuntratti kollettivi; u sigurtà akbar fil-postijiet tax-xogħol.


Il-segretarju ġenerali tal-CGIL, Maurizio Landini, waqt marċ f’Firenze saħaq li l-baġit “jippreferi l-awsterità fuq id-dinjità tal-ħaddiema”. Wissa li jekk il-gvern mhuwiex lest għal negozjati reali, l-azzjonijiet industrijali jistgħu jkomplu fil-bidu tal-2026.

Ddin l-unjin irrapportat li proporzjon sinifikanti tal-impjegati affiljati, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, ipparteċipaw jew appoġġaw l-istrajk. Dan huwa sinjal ċar ta’ livell għoli ta’ diżappunt soċjali.

Ir-reazzjoni tal-gvern u x-xena politika

Il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Giorgia Meloni ddefenda l-budget bħala wieħed “responsabbli u bilanċjat” li jqis ir-realtajiet ekonomiċi u l-limiti fiskali tal-pajjiż. Skont il-Ministru tal-Ekonomija, il-pjan finanzjarju għandu l-għan li jżomm l-istabbiltà ekonomika, jikkontrolla d-dejn pubbliku u fl-istess ħin joffri għajnuna mmirata lil familji b’qgħad jew bi dħul medju.

Madankollu l-Oppożizzjoni, b’mod partikolari l-partiti taċ-ċentru-xellug, sfruttaw l-istrajk biex iżidu l-kritika tagħhom u sostnew li l-gvern ta’ Meloni qiegħed jinjora l-vuċi tal-ħaddiema u jpoġġi prijoritajiet oħra bħad-difiza u l-inċentivi fiskali għal negozji kbar, qabel is-servizzi essenzjali.

Stħarriġ ta’ opinjoni riċenti jindika tnaqqis żgħir iżda konsistenti fl-appoġġ pubbliku għall-koalizzjoni fil-gvern preżenti l-aktar kawża tkun il-pressjoni ekonomika dejjem tikber fuq il-familji Taljani.

Pressjoni soċjali li mistennija tkompli

Dan l-istrajk nazzjonali fl-Italjja ma kienx avveniment iżolat iżda, parti minn xejra usa’ ta’ mobilizzazzjoni industrijali fil-pajjiż matul l-aħħar xhur. L-unjins diġà tennew li jista’ jkun hemm aktar protesti u strajks settorjali jekk il-baġit ma jiġix rivedut b’mod sostanzjali matul il-proċess parlamentari.

Għal ħafna osservaturi politiċi u ekonomiċi din is-sitwazzjoni tirrifletti tensjoni strutturali bejn il-ħtieġa ta’ dixxiplina fiskali u t-talba dejjem tikber għal ġustizzja soċjali. Kif se jirrispondi l-gvern għal din il-pressjoni se jkun fattur kruċjali mhux biss għall-istabbiltà industrijali, iżda wkoll għall-futur politiku tal-Italja fl-2026.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport