Tuesday, December 24, 2024

“Budget li jirrifletti n-nuqqas ta’ konsultazzjoni fil-qasam edukattiv” – L-MUT

Aqra wkoll

Fi stqarrija b’reazzjoni inizjali għall-Budget 2022, l-MUT sostniet li wara li l-unjin u l-edukaturi ma ġewx involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni, illum qegħdin naraw ir-riżultat ta’ dan in-nuqqas. 

“Flok ma għandna budget li jagħti viżjoni lill-qasam edukattiv, għandna wieħed li qiegħed ikompli jinjora l-isfidi fil-qasam. Għaldaqstant, f’dan il-budget, bħal ħafna oħrajn qablu, wieħed jinnota l-aktar dak li tħalla barra aktar milli dak li ntqal,” sostniet din il-unjin. 

L-MUT qalet li l-Budget fost l-oħrajn jsemmi li se jsiru “Autism Units” fl-iskejjel u ma jirrikonoxxix l-isforzi li saru u li qegħdin isiru minn ħafna skejjel biex joħolqu dawn l-ispazji li diġà jeżistu fl-iskejjel. Isemmi li se jipprovdi servizzi ta’ għajnuna lil studenti b’diżabiltà wara l-Post Sekondarja meta huwa ċar li dan is-servizz huwa meħtieġ fil-Post Sekondarja. Isemmi t-tisħiħ professjonali, li jinkludi l-LSEs u l-KGEs, li huwa tajjeb, meta dan sar b’liġi li ilha snin li għaddiet u għadha ma ġietx implimentata. Isemmi r-rabtiet tal-edukazzjoni mal-industrija u l-ħiliet meħtieġa meta l-għan tal-edukazzjoni għandu jibqa’ dak li jwassal lil kull student biex jilħaq il-potenzjal u m’għandu qatt ikun sostitwit minn għanijiet oħra. 

“Il-budget iħalli barra wkoll pjan biex jiġu mirbuħa numru ta’ sfidi fil-qasam fosthom il-pjan għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema, li bħalma nafu fl-aħħar ġimgħat ħalliet konsegwenzi fuq għadd ta’ edukaturi li ġew deployed qabel bdiet l-iskola. Wieħed kien jistenna li għallinqas tiġi rikonoxxuta bħala problema bi pjan għas-snin li ġejjin,” spjegat l-unjin tal-edukaturi. 

L-MUT qalet li tħallew barra wkoll inċentivi biex jiġu attirati żgħażagħ lejn il-professjoni; miżuri biex l-edukaturi jingħataw l-għodod biex jaħdmu; u viżjoni fit-tul għall-qasam edukattiv. 

Filwaqt li l-unjin tħoss li l-Gvern mhux qiegħed jieħu d-diffikultajiet fil-qasam edukattiv bis-serjetà, din se tkun qiegħda tara l-estimi dettaljati u d-diskorsi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tittama li fihom ikun hemm aktar tweġibiet għal dawn il-problemi. 

Ekonomija

Sport