F’konferenza tal-aħbarijiet wara li ġie ppreżentat il-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li dan il-budget jikkonferma għal darb’oħra kemm dan il-Gvern hu garanzija għall-familji u għan-negozji.
Dr Abela beda biex innota kif filwaqt li madwar l-Ewropa u d-dinja, hemm ekonomiji li qed jistaġnaw, bi Gvernijiet li qed irossu ċ-ċintorin, min-naħa l-oħra f’Malta ġie ppreżentat l-aqwa budget fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.
“Komplejna nagħtu s-serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin li l-Gvern qiegħed hemm għamilhom. Qiegħed hemm meta jibdew familja, meta jkollhom l-ulied, meta jsiru anzjani. Dan huwa Gvern għall-familji. Għax familji b’saħħithom ifissru ekonomija b’saħħitha u jfissru soċjetà b’saħħtiha,” tenna l-Prim Ministru.
“L-għażla li nkunu dejjem ta’ tarka għall-poplu tagħna. Mhux awsterità imma politika espansjonarja ta’ sostenn. Kien diskors mimli żidiet, bla ebda taxxi, b’inċentivi ġodda u tama ta’ futur dejjem aktar b’saħħtu,” qal Dr Abela.
Huwa kompla jgħid li sena ilu tħabbret l-akbar tax cut fl-istorja, €140 miljun, u llum ġiet imħabbra tax cut ferm u ferm aktar. F’dan il-pajjiż, għall-ewwel darba, se jibda jkollna familji fil-middle class li għal kważi kwart ta’ seklu mhux se jħallsu ċenteżmu wieħed ta’ taxxa fuq id-dħul.
“Dik hi s-saħħa tal-ekonomija u kif il-ġid li qed toħloq qed inqassmuh ma’ kulħadd. Li nistgħu għalhekk inneħħu l-piż tat-taxxa minn fuq il-familji middle class li għandhom żewġt itfal jew aktar. Lill-familji li għandhom wild wieħed se niffrankawlhom sa 3,600 ewro f’taxxa fuq id-dħul.
“Komplejna ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Pakkett soċjali ta’ €120 miljun.
“Single parent b’żewġt itfal li qiegħda fuq il-paga minima bejn it-tisħiħ tal-In-Work Benefit u żieda fiċ-Children’s Allowance tara dħul tagħha jiżdied b’650 ewro. Tax cuts u żidiet fil-benefiċċji li saru bi skop. Li nibqgħu nagħtu serħan il-moħħ, stabbiltà u sostenn għal kulħadd.
“Għax nemmnu li dak biss huwa l-pedament għal aktar progress.
“F’dan il-budget tajna spinta lin-negozji b’inċentivi ġenerużi però li huma ffukati u targeted,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa semma wkoll kif il-bidu tas-sena d-dieħla se tiġi varata l-Viżjoni Malta 2050, b’miri ambizzjużi sal-2035 imbagħad sal-2050. Qal ukoll li “se nkunu hemm biex ikomplu jogħlew il-pagi fil-privat ħalli nagħmlu l-qabża li jmiss. Magħna tafu fejn qegħdin.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar iż-żieda lill-pensjonanti kollha li hi aktar mid-doppju tal-għoli tal-ħajja u lir-romol ingħataw saħansitra aktar. Barra minn hekk, l-istipendji se jkunu qed jiżdiedu bi 15%. Dan huwa budget li jtellaq ukoll ’il quddiem proġetti ambjentali kbar fid-daqs tagħhom speċjalment f’Għawdex. Budget b’investiment infrastrutturali kbir bit-tieni interconnector, aktar rotot tal-fast ferry u aktar investiment fit-toroq.
“Iva l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna biex inkomplu nsaħħu lill-familji u n-negozji tagħna biex ikollna ekonomija b’saħħitha u futur dejjem aktar b’saħħtu għal uliedna,” temm jgħid il-Prim Ministru.

