Monday, November 10, 2025

BUDGET LI QED IĦARES ’IL QUDDIEM 

Aqra wkoll

Il-Budget 2026, ippreżentat mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana,  mhux biss ra li ma jitfax piżijiet ħalli l-poplu jibqa’ jikkontribwixxi biex l-ekonomija tagħna tikber, imma beda jagħmel pedamenti ġodda fil-viżjoni tal-Gvern għas-snin li ġejjin.

Il-Budgets li ġew ippreżentati fl-aħħar snin minn Gvern Laburista kienu dawk li taw ħafna lill-pajjiż. Kienu Budgets li ġew anke fi żminijiet iebsa bħal dawk ta’ meta konna għaddejjin mill-pandemija. Budgets li għalkemm wieħed jista’ jagħmel ħafna argumenti dwarhom però żgur li ma jistax jingħad li tefgħu xi piż fuq il-poplu. Anzi, budget kompla jibni fuq ieħor, biex l-anzjani, il-familji, il-pensjonanti, l-istudenti u n-negozji jibqgħu jingħataw is-sostenn kollu li għandhom bżonn.

Jekk nieħdu l-aħħar l-Budgets tal-aħħar għaxar snin, naraw li dawn kienu Budgets li taw opportunitajiet lil min irid jibda negozju. Il-qgħad li tant kien hemm min beżża’ dwaru fis-sena 2012 u fil-bidu tas-sena 2013 tista’ tgħid li sparixxa fi żmien qasir.  Qegħdin nitkellmu llum fuq rata ta’ qgħad li hi fost l-aktar baxxa anki fl-Ewropa.

Kellna sitwazzjoni fejn kellna rata għolja ta’ nisa li xtaqu jaħdmu imma ma setgħux imorru jaħdmu u allura nbdiet ħidma biex dan l-ostakolu jintgħeleb. Ir-riżultat hu li llum għandna l-ogħla rata ta’ nisa jaħdmu fil-pajjiż. 

Wieħed ma jistax ma jsemmix li llum pajjiżna għandu l-ogħla persentaġġ ta’ nies jaħdmu fl-Unjoni Ewropea. Statistika pożittiva u fuq din wieħed irid ikompli jaħdem u jibni għax xejn ma jsir waħdu. 

Fuq kollox dawn ir-riżultati setgħu jinkisbu għaliex bħala pajjiż – minkejja ċ-ċokon tiegħu – għandna ekonomija li baqgħet tikber kontinwament. Il-poplu llum iħossu kunfidenti u joħroġ u jikkonsma. Ma joqgħodx lura għax qed jibża’ li ġej xi kont. Ma joqgħodx lura għax inċert minn x’se jiġri. 

Grazzi għall-Budget għas-sena d-dieħla, dan is-sentiment se jkompli għaddej. Budget li se jkun qed iħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies, b’miżuri bħat-tax cuts. Ma rridux ninsew ukoll il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, li komplew jinżammu stabbli u hekk se jibqa’ jsir. 

Kif għedna aktar qabel, dan il-Budget issa qiegħed ukoll iħares ‘l quddiem. Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Magħha irid jinbidel ukoll pajjiżna. Trid anke tinbidel il-mentalità f’ċerta oqsma.  Dan hu Budget li qed jimxi f’dik id-direzzjoni. B’dan kollu f’moħħna, fil-kuntest ukoll tal-Viżjoni Malta 2050, illum mhux biss qed nitkellmu fuq tkabbir imma fuq kwalità, valur miżjud u ġenerazzjonijiet li jimxu ’l quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport