Friday, October 31, 2025

Budget li qed jinvesti fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin b’miżuri konkreti u bi pjan ċar

Aqra wkoll

Żgħażagħ Laburisti (ŻL) jilqgħu l-Budget 2026 imressaq mill-Gvern abbażi tal-fatt li l-miżuri juru pjan ċar u konkret dwar kif ser jiġu affaċjati sfidi preżenti, fejn it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tibqa’ l-għan aħħari.

Dan il-Budget ma jintroduċi l-ebda taxxi ġodda, anzi introduċa rati ġodda ta’ tnaqqis ta’ taxxa għall-ġenituri sabiex il-Gvern jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-familji u għaż-żgħażagħ li qed jippjanaw li jagħmlu familja.

ŻL jisħaq li minkejja l-isfidi li jaffaċjaw iż-żgħażagħ sabiex jixtru l-propjetà tagħhom, l-estensjoni tal-miżura tal-first time buyers, l-equity sharing issa ser tkun għal min għandu 25 sena, u l-proġett ta’ 260 dar bi 30% inqas mill-prezz tas-suq huma sinjali ċari li l-Gvern irid li jassissti liż-żgħażagħ biex huma wkoll isiru sidien ta’ djarhom.

ŻL jemmen fl-importanza tal-isport mhux biss minn aspett fiżiku iżda wkoll psikoloġiku. Bla dubju l-estensjoni tal-miżura tal-gym b’xejn għall-ewwel sitt xhur għal dawk li għandhom bejn 16 u 21 sena, hija miżura li tibgħat messaġġ ukoll biex l-isport isir parti mir-rutina ta’ kuljum.

Iż-żieda ta’ 15% fl-istipendju hija bla dubju miżura oħra mmirata għaż-żgħażagħ li se tkompli tgħin finanzjarjament lil min għadu qed jistudja u b’hekk ittaffilhom mill-ispejjeż li jkollhom marbuta mal-istudji tagħhom.  Miżura oħra li żgur ser tagħti spinta lill-istudenti Għawdxin hija l-għotja ta’ €280 fix-xahar. 

L-għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-istudenti tas-Sena 10 u 11 biex jixtru tagħmir diġitali, il-korsijiet b’xejn fl-AI u l-abbonament għal servizz bħal ChatGPT jew Gemini u l-estensjoni tal-ftehim bejn il-Gvern u Unity biex iktar studenti jkunu Unity-certified fil-video gaming, simulazzjoni u XR se jkomplu jinċentivaw liż-żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom sabiex ikollhom karriera ta’ kwalità. 

ŻL huma ottimisti lejn ġejjieni isbaħ, b’dawn il-miżuri speċifiċi li huma ntiżi biex kull sfida tinbidel f’opportunità, fejn fil-qalba ta’ kollox hemm l-aħjar interess u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport