Thursday, December 26, 2024

BUDGET LI SE JIBQA’ JILQA’ FI SFOND TA’ PRESSJONIJIET KBAR

Aqra wkoll

Għada il-gvern se jkun qed iressaq il-baġit għas-sena 2024. Dan hu baġit li qiegħed jitressaq fi żmien partikolari. Żmien li fih qegħdin naraw pressjonijiet kbar minn barra pajjiżna. Pressjonijiet li qegħdin jaffettwaw kommoditajiet li aħna nużaw ta’ kuljum. Pressjonijiet li jekk ma jiġux trattati bi ħsieb jistgħu jaffettwaw l-ekonomija u t-tkabbir ekonomiku.

Għalhekk qabel wieħed jara l-miżuri li se jkun fih dan il-baġit, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu, id-daqqiet li ġejjin minn barra u li dawn dejjem assorbiti mill-Gvern. Rajna kif bil-gwerra fl-Ukrajna  kważi sentejn ilu, f’għadd kbir ta’ pajjiżi Ewropej inħolqu problemi bil-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet għolew sostanzjalment. F’pajjiżna dan ma ġarax. Ma seħħx mhux għax il-prezz tal-enerġija ma ġiex affettwat, imma għax iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil għall-enerġija baqa’ jiġi assorbit mill-Gvern. Illum kulħadd jeħodha bħala li qisha xi ħaġa normali li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu kif inhuma u mhux se jogħlew. Tajjeb imma li wieħed jiftakar li biex il-kont baqa’ kif inhu, l-pajjiż qiegħed jerfa’ l-piż hu kemm għall-familji u kemm għan-negozji. 

Apparti l-gwerra fl-Ukrajna, illum għandnan ukoll il-kunflitt fil-lvant nofsani. Kunflitti li qegħdin joħolqu pressjonijiet fuq l-inflazzjoni.  Rajna kif l-prezz taż-żejt tela’ minn madwar €68 ‘lbarmil għal kważi €90 ‘lbarmil. Dan ifisser li l-piż qed jassorbi hu prezz li jlaħħaq aktar minn €300 miljun. Ma nistgħux insemmu biss l-enerġija. Wieħed għandu jsemmi ukoll il-prezz tal-fjuwil, li f’pajjiżna għandna fost l-irħas prezzijiet fl-Ewropa. Anki hawn dan mhux b’kumbinazzjoni, imma għax hemm l-Istat qiegħed jagħmel tajjeb hu billi jerfa’ parti mill-piż.

Il-probelma tal-inflazzjoni madwar id-dinja għadha ma ġiet riżolta u problemi marbutin mal-inflazzjoni għal pajjiżi kbar bħal Istati Uniti, fi żmien qasir ikollhom effett ukoll fuq is-suq Ewropew u l-prezzijiet fl-Ewropa.  L-inflazzjoni qiegħda jkollha effett kbir fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea fejn hu mistenni – skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea,  li din tmajna kemm din is-sena u anke is-sena d-dieħla.  

Wieħed irid iżomm f’rasu li waqt li għandna l-Istat qiegħed jilqa’ għal daqqiet minn barra, l-Unjoni Ewropea hi mistennija li fix-xhur li ġejjin  tagħfas sew lill-pajjiżi biex ikunu konformi mar-regoli stabbiliti. 

B’dan il-baġit kollox jindika li l-iżbilanċ finanzjarju hu mistenni li jkun ta’ madwar ħamsa fil-mija. Minkejja dan, id-dejn ta’ pajjiżna se jibqa’ konformi mal-kriterji stabbiliti tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jibqa’ taħt is-60 fil-mija.

Hu mistenni li f’dan il-baġit, l-ispiża tal-Gvern  tkun akbar minn kemm qiegħed idaħħal. Dan se jkun qiegħed iseħħ għax għal darba oħra il-gvern se jkun qiegħed jitfa’ aktar flus fl-ekonomija. Dan hu intiż biex ma jkunx hemm xokkijiet għall-ekonomija u l-ekonomija tagħna tkompli tikber, fejn l-istatistika turi biċ-ċar li l-ekonomija hi waħda mill-aktar li qiegħda tikber fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport