Tuesday, October 28, 2025

“Budget responsabbli li jħares ’il quddiem”- l-MHRA

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet il-Budget 2026 u ddeskrivietu bħala wieħed li joħloq bilanċ, responsabbli u li jħares ’il quddiem.

L-MHRA qalet li dan il-budget qed ikun ta’ sostenn għall-familji u jinkludi fih ukoll żidiet fil-pensjonijiet u anke stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li jagħti lil min iħaddem iċ-ċertezza fiskali li għandhom bżonn biex jinvestu, ikunu innovativi u joħolqu mpjiegi ta’ kwalità.

L-Assoċjazzjoni faħħret lill-Gvern għall-impenn tiegħu li ma jintroduċi ebda taxxi ġodda kif ukoll għall-finanzi pubbliċi aktar b’saħħithom u l-enfasi fuq is-sostenibbiltà bħala prijorità nazzjonali. 

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “dan huwa Budget li jirrikonoxxi l-ekonomija b’saħħitha. Billi għaqqad flimkien id-dixxiplina fiskali mal-kura soċjali, il-Ministru witta t-triq għall-Viżjoni Malta 2050 – iċċentrata fuq l-istabbiltà, is-sostenibilità u l-prosperità kondiviża.”

L-MHRA nnotat ukoll li l-Gvern irrikonoxxa l-isfidi demografiċi ta’ Malta u qed jieħu passi konkreti biex jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema jew ħiliet, permezz ta’ miżuri għat-taħriġ u edukazzjoni fost oħrajn. Dawn l-inizjattivi huma essenzjali biex jappoġġjaw setturi bħat-turiżmu u l-ospitalità, li jiddependu fuq forza tax-xogħol b’ħiliet u stabbli. 

L-Assoċjazzjoni laqgħet ukoll l-investiment kontinwu f’inċentivi ta’ tranżizzjoni ekoloġika, żvilupp ta’ ħiliet u diversifikazzjoni tat-turiżmu biex tiżgura li t-tkabbir ta’ Malta jibqa’ jkun inklussiv, sostenibbli u ppreparat sew għall-futur. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport