Friday, December 27, 2024

BUDGET SOĊJALI U TA’ KONTINWITÀ

Aqra wkoll

Waqt li d-dinja, partikolarment il-kontinent Ewropew, qed jitħabtu biex jikkumbattu l-kriżi tal-ogħli tal-prezzijiet, kaġunati l-aktar mill-gwerra fl-Ukrajna, kriżi li qed tħalli effetti koroh fuq diversi ekonomiji, pajjiżna donnu li dawn id-diffikultajiet ma tantx qed iħallu effett fuq il-poplu Malti minkejja li qed naffaċċjaw żieda fl-inflazzjoni.

Madankollu, l-awsterità mhijiex parti mill-politika ta’ dan il-Gvern. Dan kollu kien mistenni fil-budget 2023 li ġie mħabbar ilbieraħ filgħaxija mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Malta billi għandha ekonomija miftuħa hija wkoll suġġett għall-kriżijiet li jkunu qed iseħħu f’diversi pajjiżi mhux l-inqas fil-pajjiżi ġirien tagħna. 

Il-Budget li tressaq ilbieraħ kompla fuq budgets preċedenti billi reġa’ kien wieħed li ma nkluda ebda piżijiet ġodda la fuq in-negozji u wisq inqas fuq il-poplu. Dan apparti li baqgħu jingħataw il-benefiċċji soċjali kollha, fosthom l-għajnuna lil first timers, child care centres b’xejn u żidiet sostanzjali u kontinwi lill-pensjonanti u lil dawk bi dħul baxx. 

Għalhekk nistgħu ngħidu li dan kien budget sostenibbli, li jaħseb f’kulħadd, u li mhu se jħalli lil ħadd jaqa’ lura. Dan ifisser ukoll li Malta qabdet direzzjoni ekonomika tajba li se tassigura ċ-ċertezza u l-istabbilità li diġà jeżistu f’pajjiżna. Dan kollu jirrifletti f’ġejjieni aħjar għal kulħadd. 

Hawnhekk ta’ min ifakkar li pajjiżna għalkemm reġa’ lura għan-normalità, però għadu ma ħariġx għalkollox mill-konsegwenzi tal-pandemija. Minkejja dan, l-għajnuniet li ngħataw u għadhom qed jingħataw lil ċertu setturi kienu kruċjali biex mhux biss seta’ jinżamm il-livell tal-impjiegi, iżda komplew jiżdiedu kif kompla jiżdied l-investiment f’bosta setturi.

Dan mhux qed ngħiduh aħna imma qalitu ftit jiem ilu l-kumpanija rinomata tal-awditjar Ernst & Young li sostniet li Malta kienet u għadha attraenti għall-investiment barrani dirett. Dan ikompli jqawwi qalb kemm tal-Maltin u anke tal-investituri nfushom. 

Apparti dan, wieħed għandu għalxiex ifaħħar ukoll l-investiment lokali, li qed iwassal mhux biss għall-konsolidament tal-impjiegi imma wkoll li l-prodotti lokali jkunu esposti fi swieq internazzjonali. 

Huwa proprju għalhekk li l-Ministru tal-Finanzi seta’ jressaq budget li joffri ċertezza u stabbiltà. Dan mhux biss fl-immedjat imma wkoll huwa budget li jħares u jagħti direzzjoni għal ġejjieni aħjar. 

Ekonomija

Sport