Wednesday, December 25, 2024

“Budget soċjalment ġust u responsabbli”

Il-General Workers' Union b'reazzjoni għall-budget 2023

Aqra wkoll

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-budget 2023, il-General Workers’ Union qalet li tqis dan il-budget bħala wieħed soċjalment ġust u responsabbli li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta’ budgets imgħoddija.

“Il-GWU hija wkoll ferm sodisfatta li dan huwa budget ieħor b’ruħ soċjali. Filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna għadhom qed isibu saqajhom u jissieltu ma’ kriżi ekonomika, il-Gvern Malti ħabbar budget li jiggarantixxi tkabbir ekonomiku, serħan il-moħħ u fuq kollox sensittiv lejn ir-ruħ soċjali. Budget li jgħin u jsostni dawk l-aktar vunerabbli f’soċjetà tagħna.”

Għall-GWU l-aktar miżura importanti hija li l-Gvern qed jiggarantixxi li se jibqa’ jissussidja l-prezz tal-enerġija, tal-fjuwil u ċereali. Spiża li se tammonta għal €608 miljun. Dan mingħajr ma jintroduċi taxxi ġodda, kif ukoll qed jiggarantixxi s-sostennibilità fiskali ta’ pajjiżna. 

Sodisfatta wkoll biż-żieda lill-pensjonanti, id-dħul tat-tieni mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, iż-żieda fiċ-Childrens’ Allowance, iż-żieda fil-Carers’ Grant, l-għotja għall-first time buyers, iż-żieda fl-istipendji u refunds tat-taxxa fost oħrajn. Dan minbarra diversi miżuri li se jtejbu l-ambjent ta’ madwarna biex finalment titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħna. 

Sodisfatti wkoll li huwa antiċipat li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fis-sena 2023 jista’ jilħaq sa 4.6%. Filwaqt li se jniżżel id-defiċit minn 8% għal 5.8%.

“Il-Gvern seta’ jagħmel dan għax tul ix-xhur u snin li għaddew iggarantixxa stabbiltà fost il-familji, ħaddiema u l-intrapriżi. Budget li se jara rkupru fl-ekonomija, u li qed jara l-isfidi kurrenti bħala opportunitajiet biex l-intrapriżi Maltin u l-investiment barrani jkomplu jikbru,” temmet tgħid il-GWU.

Ekonomija

Sport