Kien għall-ħabta ta’ 12.20pm meta s-servizzi tal-emerġenza f’Għawdex ġew imsejħa biex jassistu bugħaddasa, Ġermaniża ta’ 54 sena, li kienet tinsab f’diffikultajiet fid-Dwejra Għawdex.
Kollox jindika li l-bugħaddasa li kienet ma’ grupp ta’ persuni oħrajn sabet ruħha f’diffikultajiet tant li x’ħin itellgħet fuq l-art minn dawk li kienu magħha kienet diġà bla nifs.
Minkejja dan is-servizz tal-emerġenza mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex xorta waħda għamlu dak kollu posibbli biex jagħtu l-ewwel għajnuna, iżda sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Biex jassistu ssejħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anke ttajjar ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta biex f’każ li jkun hemm bżonn il-persuna titella’ l-isptar f’inqas ħin.
L-Ispettur Keith Xerri qiegħed imexxi l-investigazzjonijiet u dwar dan il-każ inħatret inkjesta.