Thursday, November 20, 2025

Buġibba Boċċi Club jirbħu t-Tazza tal-Anġlu

Aqra wkoll

Buġibba Boċċi Club rebħu t-Tazza tal-Anġlu tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi meta fil-finali li saret fil-pitch ta’ Ħal Qormi San Bastjan għelbu lil St Peter’s Żabbar 21-8.

Kienet logħba li damet biss siegħa u 17-il minuta u li fiha kien hemm preċiżjoni liema bħalha speċjalment minn Buġibba li rnexxielhom iġibu numru kbir ta’ punti wara l-ewwel ġugati.

St Peter’s Żabbar fetħu vantaġġ ta’ 6-0 iżda t-tim minn Buġibba kien pront irribatta u għalaq l-ewwel parti b’vantaġġ ta’ 12-6. Aktar ‘il quddiem it-tim kompost minn Adrian Bonanno, Godfrey Sciberras, Jurgen Zammit, Laumar Abela, Stephen Zammit u John Borg baqa’ jkun preċiż u minkejja li ż-Żabbarin naqqsu l-marġni tal-iskor, ma rnexxielhomx ilaħħqu mal-avversarji tagħhom.

St Peter’s Żabbar kellhom lil Charles Galea, Conrad Borg, Emm Brignone, Marc Vella Bonnici, Owen Bezzina u Vince Galea.

Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi CJ Saliba ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Buġibba Boċċi Club John Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport