Bukayo Saka tkellem dwar l-affezzjoni tiegħu lejn Arsenal, fost spekulazzjonijiet dwar trasferiment futur ma’ xi club ieħor.
Minkejja li f’Settembru għalaq biss 20 sena, Saka diġà għamel 80 dehra fil-Premier League, b’34 ħarġa oħra ġejjin f’kompetizzjonijiet oħra.
Wara li mpressjona mal-ewwel team tal-Gunners, il-winger versatili naturalment qed jiġi marbut ma’ ċaqliq ma’ xi club ieħor, b’Manchester City u Liverpool jingħad li qed isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib.
Madankollu, l-internazzjonali Ingliż fetaħ qalbu dwar ir-raġunijiet għalfejn finalment ingħaqad mal-club mit-Tramuntana ta’ Londra.
Saka qal: “Naħseb li l-Arsenal dejjem kien dak il-club li ridt ningħaqad miegħu. Deher li kellhom fiduċja kbira fiż-żgħażagħ tagħhom u kien hemm triq ċara meta tista’ tara l-players jitilgħu minn Hale End għal London Colney u missieri wkoll emmen tassew fil-proġett u kien jammira lil Arsene Wenger. Naħseb li Arsenal kien il-club fil-qlub tal-familja tiegħi, u kien għalhekk li finalment għażilt lilhom.”
F’kumment dwar il-progress ta’ Arsenal taħt il-gwida ta’ Mikel Arteta, iż-żagħżugħ żied jgħid li: “Naħseb li għamilt pass ‘il quddiem, imma naħseb, ukoll li, it-team għamel pass ‘il quddiem. Il-futbol huwa sport ta’ team u sakemm kulħadd ikun sejjer tajjeb, naħseb li l-affarijiet jistgħu jsiru aktar faċli individwalment.”
“Ngħid li qegħdin f’forma tajba u din verament tgħini biex inkompli navvanza fil-forma tiegħi.”
Saka għandu kuntratt fl-Emirates Stadium sal-aħħar tal-istaġun 2023-24.