Bayern Munich bdew ir-renju ta’ Thomas Tuchel b’rebħa kbira fuq it-team l-antik tiegħu, Borussia Dortmund, li ħadithom fuq ir-rivali tagħhom ta’ Der Klassiker fil-quċċata tal-Bundesliga.
Il-Bavarjani kważi ssiġillaw ir-rebħa sa nofs l-ewwel taqsima meta fetħu vantaġġ ta’ tliet goals mingħajr risposta minn auto-goal tal-goalkeeper Gregor Kobel (13) minn ballun fit-tul ta’ Dayot Upamecano. Il-veteran Thomas Muller (18 u 23) skorja darbtejn u Kingsley Coman (50) skorja r-raba’ goal taċ-champions.
Dortmund naqqsu d-distakk darbtejn minn penalty ta’ Emre Can (72) u Donyell Malen (90).
Il-ġganti ta’ Munich kienu keċċew lill-coach Julian Nagelsmann wara li waqgħu wara Dortmund fil-klassifika u daru fuq Tuchel, li mexxa lir-rivali tagħhom mill-2015 sal-2017.
Ir-riżultat temm is-sensiela bla telfa ta’ Dortmund ta’ 10 logħbiet fil-Bundesliga fl-2023.