Borussia Dortmund huma leaders ġodda tal-Bundesliga b’punt iktar miċ-champions renjanti, Bayern Munich, meta għat-tmiem fadal ħames logħbiet oħra. Dortmund għelbu lil Eintracht Frankfurt 4-0 waqt li Bayern tilfu 3-1 kontra Mainz li jinsabu fis-sitt post.
Kien Jude Bellingham (10) li fetaħ l-iskor għal Dortmund waqt li Donyell Malen (24) irdoppja l-vantaġġ u Mats Hummels (41) skorja t-tielet wieħed. Malen (66) kiseb it-tieni tiegġu biex issiġilla r-rebħa.
Il-leaders preċedenti, Bayern, sofrew biss ir-raba’ telfa fil-kampjonat dan l-istaġun meta Mainz rebħulhom b’goals fi spazju ta’14-il minuta minn Ludovic Ajorque, Leandro Barreiro u Aaron Caricol li bihom l-ospiti stordew lit-team ta’ Thomas Tuchel li kienu marru fil-vantaġġ minn Sadio Mane.
Dortmund għandhom 60 punt, Bayern 59, Union Berlin 52 u RB Leipzig 51.