Monday, September 15, 2025

“B’wiċċna minn quddiem… Għandna demokrazija li qed tiffunzjona pjutttost tajjeb”

Intervista ma’ Alfred Sant fil-Jum Internazzjonali tad-Demokrazija

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Nemmen li f’Malta nistgħu, b’wiċċna minn quddiem, nistqarru li għandna demokrazija li qed tiffunzjona pjuttost tajjeb. Fejn għandna x’nirranġaw sew huwa fil-qasam tat-trasparenza u l-kontabilità statali u fit-tħaddim tal-ġustizzja. Ma nħobbx nippontifika dwar pajjiżi oħra. Imma, ħaġa ovvja li jeżistu pajjiżi fejn id-demokrazija teżisti taparsi u oħrajn fejn tiġi manipulata”. 

Qal dan lil dan is-sit l-analist politiku bi snin ta’ esperjenza, Dott. Alfred Sant, fejn f’intervista fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għad-Demokrazija analizzajna aspetti dwar it-tħaddin, ir-rispett, il-prattika u t-theddid tad-demokrazija madwar id-dinja u anke f’Malta. Enfasizza li hija ħaġa ċara li r-rispett lejn id-demokrazija u l-prattika tagħha jvarjaw qatigħ mal-firxa wiesgħa ta’ pajjiżi sovrani, miċ-ċaħda totali tagħha għal istituzzjonijiet demokratiċi limitati jew sorveljati, għal strutturi ta’ demokrazija sħiħa. 

“Terġa’, l-iżviluppi teknoloġiċi tal-aħħar deċennji, l-aktar l-internet, ikkomplikaw bil-kbir il-prattiċi politiċi u soċjali tal-ġnus, minn barra u minn ġewwa u qegħdin jaffettwaw b’mod li għadhom qegħdin jinbidlu l-istess proċessi tad-demokrazija.,” spjega Sant. Miegħu ddiskutejna wkoll xi tfisser għalih demokrazija u x’jagħmlu soċjetà tali. Hawn tajna ħarsa wkoll lejn il-libertà tal-espressjoni fuq il-midja soċjali li xi kultant tkun laxka wisq fejn insista fuq l-urġenza u l-passi regolatorji li qiegħda tiegħu l-Unjoni Ewropea fir-rigward. Punt ta’ riflessjoni li ħareġ ukoll f’din l-intervista huwa dak li skont Alfred Sant, akbar theddida għal-libertà tal-espressjoni f’Malta hija dik tal-flus għal min jagħlaq għajnejh. 

Dawn huma l-mistoqsijiet l-oħra li għamilnielu:

Xi tfisser għalik demokrazija?

Soċjetà li tkun ippernjata b’mod mhux esklussiv fuq dawn il-prinċipji:

— il-gvern huwa elett demokratikament f’elezzjonijiet regolari u ħielsa waqt li l-minoranzi politiċi u oħrajn għandhom ir-rappreżentanza  politika ħielsa u d-drittijiet tagħhom mħarsa b’mod sħiħ;

— id-drittijiet tal-bniedem huma rispettati, b’fuq quddiem nett imma mhux biss, dawk tal-ħelsien tat-twemmin u tal-espressjoni;

— il-liġijiet huma ġusti u mħaddma b’mod effettiv u b’ġustizzja ma’ kulħadd bla eċċezzjoni u dewmien.

Liema huma l-aktar pilastri importanti u għala?

It-tliet prinċipji msemmija hawn fuq. Mingħajrhom l-ebda demokrazija ma tibqa’ ħajja. Biss biex jirnexxu tassew, idealment iridu jitħaddmu fi klima ta’ tolleranza u djalogu ċiviku, b’impenn qawwi għat-tisħiħ tal-edukazzjoni fost is-saffi kollha tal-poplu.

Tħoss li d-demokrazija hija taħt xi forma ta’ theddida u jekk iva, x’taħseb li għandu jsir fir-rigward?

L-ebda sistema politika mhi stabbli għal kollox. Jistgħu jinqalgħu ċirkostani ta’ kriżi jew ta‘ tensjoni ekonomika/soċjali/politika li jpoġġu l-arranġamenti tagħha taħt stress li jwassalhom biex iċaqalqu, anke jibdlu l-istrutturi tagħhom lejn “inqas” demokrazija. L-Istati Uniti jinsabu donnhom dieħla f’din il-fażi (mhux l-ewwel darba) bħalissa.

Hemm pajjiżi mbagħad b‘demokrazija li għadha ġġorr elementi awtoritarji li jistgħu jinbidlu għall-“aħjar” jew għall-“agħar” skont żviluppi ekonomiċi u soċjali li jkunu qegħdin iseħħu.

Ma tantx nara li hemm lok għal priedki u sanzjonijiet bla qies jew imgħaġġla minn barra dwar xi jkun qiegħed iseħħ f’pajjiżi oħra.

L-Istati Uniti kienu/”għadhom” jagħmlu ġudizzji ta’ kull sena dwar l-andament politiku ta’ pajjiżi barranin, bil-lenti ta’ min qiegħed jiġġudika kemm qegħdin ikunu “demokratiċi“. L-istess issa l-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-membri tagħha u pajjiżi assoċjati magħha.

Frankament matul is-snin li daħlet din id-“drawwa” ta’ priedki lil ħaddieħor dwar id-demokrazija, ma narax li kien hemm wisq progress fil-modi kif “minn barra” id-demokrazija tista’ tiġi introdotta jew imsaħħa f’pajjiż, pereżempju bil-forza tas-sanzjonijiet.

Il-libertà tal-espressjoni hija element importanti f’soċjetà demokratika. Taħseb li hemm libertà tal-espressjoni mhedda minn fatturi bħal pressjoni politika, nuqqas ta’ dritt ta’ protesta jew ċensura? Kumment dwar dan.

Dażgur li hemm fatturi fosthom dawk li semmejt int li jheddu jew jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni fid-demokraziji u dawn il-fatturi qegħdin jiġu eżerċitati ġieli bil-qawwi. 

Minkejja kull ma jintqal, ma nemminx li qegħdin jitħaddmu daqstant hawn Malta, għalkemmm ċerti sforzi biex mhux kollox jintqal u “jinħareġ” isiru, kif wara kollox jiġri fid-demokraziji Ewropej l-oħra, li hija ħaġa ħażina. Wisq nibża’ li fostna l-aktar mezz li jintuża biex il-libertà tal-espressjoni tiġi mxekkla (aktar mill-użu tal-qrati li jissemma ta’ spiss) huwa dak tal-flus għal min jagħlaq għajnejh.

Min-naħa l-oħra l-libertà tal-espressjoni hija laxka fuq il-midja soċjali b’kummenti u kliem ta’ mibgħeda perikoluż. Kif tara li jista’ jinstab il-bilanċ għal demokrazija ġusta?

Din hija kwistjoni delikata imma urġenti. Naħseb li l-Unjoni Ewropea l-aktar li miexja fit-triq it-tajba dwar hekk bl-atti “diġitali”  li ħarġet fl-aħħar snin, speċjalment dak dwar is-servizzi diġitali. Fih hemm forom ta’ ħarsien kontra d-diskors u tħeġġiġ ta’ mibegħda, b’salvagwardji ħalli dawn ma jintużawx kontra l-espressjoni ħielsa.

L-Amerikani ħarġu kontra l-atti diġitali għax qed iqisuhom bħala għodda biex l-Ewropej jaqtgħu l-ġwienaħ tal-kumpaniji Amerikani kbar tal-internet imma ma narax li qed ikunu tassew onesti f’dan.

Min-naħa l-oħra, dan huwa kamp ta’ ħidma regolatorja vasta li jinsab fil-bidu tiegħu. Fih qiegħed ikun hemm u se jibqa’ jkun hemm bidliet teknoloġiċi kbar dejjem għaddejja u dak li sar s’issa jrid jibqa’ jiġi rivedut b’mod serju u spiss biex jinżamm aġġornat u koerenti mal-priinċipji tad-demokrazija. M’hemmx triq oħra. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport