Saturday, October 26, 2024

“Bżajtu li l-Vitals jiħdulna d-Dar Ċentrali … din rebħa ta’ Delia”

l-eks Deputat tal-PN Mario Galea

Aqra wkoll

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u s-17 Blue Heroes fuq quddiem nett Jason Azzopardi li fl-aħħar elezzjoni ma ġiex elett, ħarġu jifirħu li kienu għamlu rebħa kbira wara s-sentenza mogħtija tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar l-isptarijiet.

Fil-fatt Jason Azzopardi kiteb fuq facebook “Prosit tassew. Il-kuntratt korrott tal-VGH ġie dikjarat null. Żero. Rebħa mistħoqqa,” iżda fl-ebda ħin ma qal min kien għamel din il-ġlieda waħdu.

Fost dawk li wkoll ried jieħdu l-mertu tal-kawża kien hemm David Casa li tella’ filmat fuq Facebook fejn fost l-oħrajn irringrazzja lill-Grupp Parlamentari li appoġġja din il-kawża tul dawn is-snin kollha.

Iżda l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea, waqt li kien qed jikkummenta fuq post ta’ Cynthia Galea li hija s-sieħba tal-eks mexxej Nazzjonalista Adrian Delia, kiteb li din ir-rebħa hija biss ta’ Adrian Delia.

F’kumment diretta lejn il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista, Galea kiteb “int QATT ma rbaħt xejn.” Minkejja li s-17 Blue Heroes ħasbu li b’xi mod b’din is-sentenza se jkunu qegħdin isaħħu l-pożizzjoni tal-magħżul tagħhom, jidher li fil-Partit Nazzjonalista l-qasma bejn diversi gruppi kompliet tikber.

Mario Galea li spiċċa mwarrab ukoll mill-klikka tal-establishment fil-PN kiteb li kulħadd kien ħalla lil Adrian Delia waħdu biex jiġġieled din il-ġlieda. Hu kompla li meta Delia ried li l-kawża ssir mill-Grupp Parlamentari kollu, kien hemm minn qallu “u jekk iffitxuna l-Vitals u jeħdulna saħansitra d-dar?,” b’referenza ċara għad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

L-eks Deputat Nazzjonalista kiteb lil Cynthia Galea li hawn oqbra mbajda kemm trid. Hu kompla jgħid li “min mar jippoppa sidru lbieraħ kienu l-istess nies li ħallew lil Adrian waħdu.”

Mario Galea kompla jgħid li dak li qed jikteb hu minnu għax hu kien wieħed minnhom qaleb ma warbuħ. “Smajtkom b’widnejja” u jkompli jisfidhom biex xi ħadd mis-17 Blue Heroes li kienu marru għand il-President biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppoiżżjoni joħroġ u jgħid li mhux veru dak li qed jgħid.

Fl-istess messaġġ Galea jwissi lill-Kap Nazzjonalista u jgħidlu “u Dr Bernard Grech ieqaf hu rikba b’xejn”.

Sport