Sunday, November 24, 2024

BŻONN AĠENDA DINJIJA FAVUR IL-PAĊI

Aqra wkoll

Bdejna sena ġdida. Bidu ta’ sena immarkata mill-gwerra imdemmija fl-Ukrajna.  Sena immarkata ukoll minn kunflitti oħra madwar id-dinja. Kunflitti li hemm minnhom ilhom għaddejjin snin twal. Fuqhom smajna ħafna dikjarazzjonijiet ta’ kif għandha tinġab il-paċi. Minkejja li ngħad, il-paċi baqgħet ma waslitx. Dan ifisser li għal dawn il-popli, ħajjithom hi kola tensjoni u f’riskju. Fost dawn hemm il-kunflitt fil-lvant nofsani. Kunflitt li ilu snin twal ikarkar.

M’hemm ebda dubju li minkejja l-paroli u d-dikjarazzjonijiet li jsiru fin-Nazzjonijiet Uniti, hemm bżonn aġenda dinjija favur il-paċi. Aġenda li verament ikun hemm rieda warajha biex isseħħ il-paċi.  Meta d-dinja se titgħallem li f’kull kunflitt li jsir m’hemm ebda rebbieħa nazzjon li se jirbaħ iżda hemm telliefa biss.  Igawdu biss mill-kunflitt, dawk li jimmanifatturaw l-armi. Il-kunflitti iġibu telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissir ta’ infrastruttura li imbagħad huma l-istess popli li jridu jerġgħu jibnuhom mit-taxxi tagħhom stess. 

Il-mistoqsija tagħna hi sempliċi ħafna…..meta l-mexxejja se jkollhom aġenda ċar favur il-paċi? Aġenda li mhux tara lil min se taġevola jew lil min se titfa’ lura. Aġenda li l-għan tagħhom tkun li fid-dinja verament tinħoloq il-paċi. Aġenda li fiha ma jkunx hemm min ikollu interessi ulterjuri biex kunflitt jew ieħor jibqa’ għaddej. Aġenda li fiha ma narawx min jistaħba wara xi paraventu, bl-interess tiegħu ikun li kunflitt partikolari jibqa’ għaddej. 

Fl-aħħar kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna rajna għal darba oħra Nazzjonijiet Uniti ineffettiva. Nazzjonijiet Uniti li għal sena sħiħa ma rnexxilhiex iġġib iż-żewġ partijiet flimkien. Ma rnexxielhom twaqqaf il-ġlied biex għallinqas ipoġġu madwar mejda u tinstab soluzzjoni. M’hemm ebda dubju li s-sena 2022, hi s-sena ta’ falliment għan-Nazzjonijiet Uniti fejn jidħol il-kunflitt fl-Ukrajna.

Irridu ngħidu li kien b’intervent tad-diplomazija fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li wasslet biex finalment intlaħaq ftehim biex il-qamħ u fertilizzanti jitħallew joħorġu mill-portijiet fl-Ukrajna. 

Lil hinn minn dan komplew kunflitti fl-Afrika fosthom fis-Sudan, l-Etjopja, il-Kongo u l-Mali.  Kunflitti ukoll imdemmija li mhux dejjem nisimgħu bihom. Kunflitti li ġieli ndumu ma nisimgħu bihom imma huma kunflitti li għaddejjin b’mod kontinwu.  Kultant nisimgħu li saru xi ftehim u se jieqaf il-ġlied jew li saru l-ewwel passi għal waqfien mill-ġlied.  Ma’ dawn hemm sitwazzjonijiet oħra ta’ kunflitt madwar id-dinja bħal Jemen, Sirja fost oħrajn.

Nemmnu li quddiem dawn il-kunflitti, biex id-dinja verament tgħix fil-paċi irid ikun hemm ir-rieda mill-mexxejja. M’hemm ebda dubju li hemm bżonn Nazzjonijiet Uniti aktar b’saħħitha u fuq kollox aktar effettiva.  Biex iseħħ dan hemm bżonn aġenda b’saħħitha biex iġġib il-paċi fid-dinja. Fuq kollox għandha tkun aġenda li tqis kull kunflitt indaqs u mhux skont fejn ikun jew skont min qed iwettqu. Nittamaw li matul is-sena 2023, il-kunflitt li għaddejjin, jonqsu u mhux jiżdiedu.

Sport