Sunday, December 29, 2024

BŻONN AZZJONI MILL-UE FUQ IL-LEMIN ESTREM

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem konna qegħdin naraw dak li kien qed jiżviluppa f’Londra wara l-każ fejn bniet inqatlu b’daqqiet ta’ sikkiena f’Southport. Rajna mbagħad folla, deskritta li kien fiha madwar 15,000 persuna, li kienu persuni tal-lemin estrem u li jappoġġjaw lil Tommy Robinson magħrufa għall-ideat estremisti tiegħu.

Wieħed jista’ jgħid li din kienet waħda mill-akbar protesti mil-lemin estrem fl-Ewropa fl-aħħar snin. Ma naqasx li imbagħad naraw protesti oħra kbar minn persuni u attivisti kontra ir-razziżmu. Protesta li l-għan tagħha kien wieħed – kontra l-mibegħda. Protesta li qed tħaddan valuri. Il-valur li f’din id-dinja kulħadd hu indaqs. Nistgħu inkunu differenti, imma xorta waħda nibqgħu indaqs fid-drittijiet u fid-dinjità.

Din hi sitwazzjoni, li tixbaħ ħafna u għandha l-kundizzjonijiet li kienu wasslu biex il-flxxiżmu jgħolli rasu fl-Ewropa. Il-faqar, il-povertà, it-tnaqqis tal-kwalita tal-ħajja u nuqqas ta’ finanzi għal servizzi pubbliċi, iwasslu biex il-faxxisti jirkbu fuqhom u jibdew imbagħad jitfgħu it-tort għal dan fuq kulturi oħra u minoritajiet fis-soċjetà.

Ma’ dawn għandek l-aspett tal-bidla fil-kliema li l-istess lemin estrem jippruvaw ukol jirkbu fuqu. Din mhix sitwazzjoni fir-Renju Unit biss imma qegħdin naraw f’għadd ta’ pajjiżi madwar l-Ewropa. F’Malta ukoll il-kummenti ta’ mibegħda u kif ir-razziżmu qed jgħolli rasu tinħass ukoll.

Il-kwistjoni tal-bidla fil-klima, li l-lemin estrem ukoll qiegħed jaqbad magħha b’mod partikolari metą jilmentaw u jipprotestaw il-bdiewa, hi xi ħaġa li esperjenzajniha proprju flit xhur ilu.

Dak li qiegħed jiġri fl-Ewropa u l-mod kif il-lemin estrem qiegħed jieħu vantaġġ, kollox qiegħed juri li l-impenn tal-Ewropa għall-azzjoni dwar il-bidla fil-klima tinsab f’mument kritiku. Jekk se jkun hemm aktar konċessjonijiet fuq il-klima se jkun ifisser telf fil-battalja kontra t-tibdil fil-klima u dan meta hemm bżonn azzjoni urġenti.

Dan għax is-servizz tal-klima tal-Unjoni Ewropea ħabbar li t-tisħin globali minn żminijiet preindustrijali għall-ewwel darba qabeż l-1.5C fis-sena sa Jannar, fi ksur sinifikanti tal-limitu  tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Nemmnu li t-tisħiħ u l-protezzjoni tad-demokrazija Ewropea teħtieġ pożizzjoni determinata kontra l-lemin estrem.

Dan jista’ jsir biss jekk l-Unjoni Ewropea tissalvagwardja l-valuri tagħha. Valuri li wieħed irid jammetti iddgħajfu sew fl-aħħar snin. Qegħdin nitkellmu fuq il-valur tad-dinjità umana, li jkun rispettat u protett. Il-valur tal-libertà li jagħti liċ-ċittadini id-dritt li jmur bla xkiel fejn irid fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ libertajiet individwali fosthom ir-rispett għal ħajja privata, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà reliġjuża, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni li huma kollha protetti biċ-Charter Ewropew għad-Drittijiet Umani. Ma’ dawn imbagħad hemm il-valur tal-ugwaljanza, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Nemmnu għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ tagħti prijorità lill-azzjoni klimatika għax b’hekk biss tista’ tittama li tissalvagwardja l-valuri tagħha u tipproteġi lilha nnifisha mill-ideoloġiji tal-lemin estrem. Ideoloġiji estremi li jitmexxew u jirnexxu fuq informazzjoni ħażina, mibegħda u disprezz sfaċċat jipperikolawna lkoll.

Dwar dan sa issa qegħdin naraw Unioni Ewropea dgħajsa. Unjoni Ewropea li aktar hi ffukata fuq kemm se ssaħħaħ lilha nfisha f’armamenti u suldati u kemm se tkun qed tkompli toħroġ flus f’armamenti għal Ukrajna, milli li tiġġieled għadu stess li għandha fi ħdanha u li qed jerfa’ rasu. Kemm hu importanti li l-Unjoni Ewropea ma tħallix l-istorja terġa’ tirrepeti ruħha.

Ekonomija

Sport