Sunday, October 27, 2024

“Bżonn iktar konversazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ħut” – Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

Ix-xjentista u riċerkatriċi fuq is-sajd Alicia Bugeja Said iddikjarat li hemm bżonn ta’ iktar konversazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ħut.

Hija qalet dan f’intervista ma’ L-Orizzont dwar is-settur tas-sajd fejn qalet li din l-industrija ferm antika għandha tkompli tkun sostenibbli u li hi se tagħmel dak kollu possibbli sabiex dan kollu jseħħ. 

Bugeja Said għandha PhD fl-Immaniġjar tal-Biodiversità u l-Ekoloġija Umana fl-Iskola tal-Antropoloġija u l-Konservazzjoni fl-Università ta’ Kent fejn studjat fuq l-implikazzjoni u l-inizjattivi kif ukoll is-sostennibilita tas-sajd u kif din teffettwa lis-sajjieda. 

Hi kienet ukoll parti minn network ta’ riċerkaturi globali msejjaħ Too Big To Ignore fejn kienu jiġu diskussi diversi temi relatati mas-sajd. Matul is-sena 2020, hi nħatret ukoll bħala direttur tas-sajd fi ħdan id-dipartiment tas-sajd u akwakultura. 

Hi ġejja minn familja tas-sajd hekk kif missierha kien sajjied u għalhekk nibtet fiha x-xewqa li tesperjenza aktar mill-viċin dawn il-komunitajiet.

Ma’ Alicia Bugeja Said kellmitna fid-dettall dwar diversi temi li huma relatati mas-sajd. Hi u tismagħha titkellem, tinduna kemm is-suġġett tas-sajd u l-implikazzjoni kollha li jikkonċernawh huwa ferm għal qalbha.

Bdejna biex saqsejniha dwar il-baħar Mediterran u l-ħut ta’ ġo fih.“Wieħed jista’ jgħid li l-baħar Mediterran jiddependu minnu numru ta’ pajjiżi u  u flotot ta’ sajjieda li lkoll jistadu għad-diversi tipi ta’ ħut. B’xorti ħażina, hemm xi speċi tal-ħut li qed jonqos filwaqt li hemm oħrajn bħat-tonn li qed jizdied, rizultatpermezz ta’  pjan ta’ rkupru li gie implimentat numru ta’ snin ilu. . Dan il-fattur hu importanti minħabba li t-tonn hi ħuta li fiha profitt u għalhekk wieħed irid iżomm ċertu kontroll fuqha.”

“Fl-aħħar 10 snin, skond l-istatistika li tinġabar f’Malta, is-sajjieda qabdu madwar 350 speċi differenti ta’ ħut li fost l-oħrajn jinkludu ħut tal-qiegħ bħaċ-ċipulazz u d-denċi, ħut tal-wiċċ kif ukoll dawk li jpassu fejn fost l-oħrajn insibu dawk popolari bħal-lampuki u pixxispad.”

Bugeja Said spjegat li dawn il-ħut m’għandhomx fruntieri u jaqsmu minn żona għall-oħra u hawnhekk tidħol ukoll xi ftit ix-xorti tas-sajjieda li jinzertaw xi speċi partikolari.

Iżda l-ħut fil-preżent qed jonqos jew jiżdied? Kif spjegat tajjeb Bugeja Said, il-varjeta’ ta’ ħut qed tgħin sabiex aktar speċi jitkattru għalkemm wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll li ċerti fatturi qed inaqqsu xi oħrajn. Fost dawn wieħed isib il-fenomenu tal-overfishing, it-tniġġis tal-baħar Mediterran u l-bidla fl-eko sistema. Fuq kollox, il-famuża frażi li l-ħuta l-kbira tiekol dik żgħira li hi applikabbli wkoll f’din iċ-ċirkostanza. Huwa għalhekk li bħala dipartiment hemm ċertu prijorità dwar li jkun hemm statistika kemm qed tiġi kkunsmata ħuta partikolari apparti li speċi oħrajn jibqgħu sostennibli, xi ħaġa li mhux daqshekk faċli li ssir.

Bugeja Said tgħid li f’Malta hawn madwar 800 sajjied li 300 minnhom huma full-time filwaqt li hemm oħrajn dilettanti li jew għandhom dgħajsa jew inkella jistadu għall-gost u l-pjaċir.

Iżda l-mistoqsija tqum waħedha. X’hemm bżonn isir f’Malta u fil-Mediterran sabiex nassiguraw is-sostenibilità tas-sajd?

“Fil-verità bħalissa qed isir sforz kbira sabiex is-sajd f’Malta u l-Mediterran jibqgħu sostenibbli. Bhala Malta, nemmen li hemm bzonn politika tas-sajd li tirrifletti r-realtajiet tal-pajjiz lil hinn minn dak li jigi implimentat bhala one-size-fits-all policies mill-Unjoni Ewropea. Diversi xjentisti jisqhu dwar il-bzonn ta’ politika li tħares il-bżonnijiet ambjentali, ekonomici u socjali sabiex il-governanza tas-sajd tkun wahda olistika.

“Fil-verita’ s-sostenibbiltà tasal ukoll meta jkun hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd inkluż tas-sajjieda. Jekk kulħadd jimxi id f’id dan is-settur ma jbatix u fuq kollox igawdi kulħadd b’bilanċ partikolari.”

U hawn Bugeja Said xtaqet tagħmel enfażi fuq is-sajjieda żgħażagħ u kemm hu kruċjali li jingħaqdu f’dan is-settur biex sa ċertu punt mhux biss tkompli din it-tradizzjoni Maltija bi gżira mdawra bil-baħar u b’kosta mill-isbaħ iżda wkoll sabiex jagħtu sehemhom għal dan is-settur. Wara kollox, kif stqarret hi stess, is-sajjieda żgħażagħ huma l-futur tas-sajd Malti. Minkejja kollox ir-realtà mhux għal kollox faċli.

“Illum mhux faċli għal sajjied żagħżugħ sabiex ikollu d-dgħajsa tiegħu. Wieħed irid jieħu self mill-bank minħabba l-ispejjeż involuti. Ghandek sitwazzjonijiet fejn għalkemm ż-żgħażagħ ikunu jixtiequ jibdew f’dan is-settur, l-ewwel pass hu wieħed ta’ ħafna ħsieb. Deċiżjoni li żagħżugħ ikollu jagħżel bejn self sabiex jixtri daru jew biex jiddejjen fuq dgħajsa. Mhix għażla faċli, u għandek ħafna li jaghmlu l-ewwel għażla speċjalment jekk bi ħsiebhom jibnu familja.”

“Huwa għalhekk li hemm bżonn ikomplu jiżdiedu l-inċentivi li jagħmlu differenza kbira u għalhekk nemmen li l-Ewropa ghandha tinkoragixxi l-implimentazzjoni ta’ skemi fejn il-gvern ikun jista’ jgħin lil sajjieda zghazagh jixtru bastiment. B’dan kollu, wieħed jagħmel aktar kuraġġ u fuq kollox inżommu dan ix-xogħol tant nobbli ħaj u ma nħalluhx imut mewta naturali!”

Kif ikkonfermat l-istess Bugeja Said, il-gvern Malti qed jgħin mill-aħjar li jista’ sabiex jagħti aktar inċentivi lill-industrija tas-sajd minħabba li jqisha ferm importanti anke għall-ekonomija tal-pajjiż. Riċentement tnediet skema ta’ qrib miljun ewro minħabba li anke dan is-settur ħa d-daqqa tiegħu waqt il-pandemija tal-COVID-19 b’sajjieda full-time u oħrajn part-time li kollha bbenefikaw minnha. Wieħed irid jiftakar li l-ispejjeż għas-sajjieda komplew jikbru mhux biss fit-tagħmir u l-fuel biex issostnieh iżda anke fl-għalf fosthom il-lixka. Għalhekk il-gvern qed jagħti għajnuna finanzjarja f’dan ir-rigward.

Iżda Alicia Bugeja Said x’taħseb li għandu jsir sabiex nassiguraw futur sostenibbli għal dan is-settur? “Hemm diversi binarji sabiex naslu għal dan il-futur sostenibbli. Jien ngħid li hemm bżonn iktar konversazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ħut. Qed nisma’ ħafna s-sajjieda lokali u dawn tal-aħħar joħorġu b’diversi suġġerimenti. Sadanittant bħala dipartiment tas-sajd u akwakultura ġew organizzati diversi kampanji tul dawn l-aħħar snin fosthom li l-konsumatur jagħżel il-prodott lokali sabiex nibqgħu nsostnu anke s-sajjieda lokali. Anke qed infasslu pjan sabiex nedukaw aktar lit-tfal sabiex jieħdu aktar ħut frisk milli jmorru għall-prodotti bħal fish fingers. Nemmen li se naslu għax qed nagħmlu l-almu tagħna.

Finalment il-gvern għadu kemm ħabbar inizjattiva ta’ rkupru tat-tagħmir tas-sajd. Din hi skema għal qalb ħafna Bugeja Said għax se tkun qed tikkumbatti diversi affarijiet li jolqtu ħażin il-ħajja marina fosthom l-iskart fil-baħar u ghostfishing. 

Alicia Bugeja Said temmet tgħid li hi fiduċjuża li din l-industrija ferm antika għandha tkompli tkun sostenibbli u hi se tagħmel dak kollu possibbli sabiex dan kollu jseħħ.

Alicia Bugeja Said se tkun qiegħda tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista fuq it-Tielet u s-Seba’ Distrett.

Sport