Sunday, November 24, 2024

BŻONN KONTINWU GĦAL DONAZZJONIJIET IMPREZZABBLI

Aqra wkoll

Sikwit nisimgħu dwar ġbir ta’ fondi minn diversi għaqdiet, soċjetajiet u anke partiti politiċi fost persuni oħrajn. Naħsbu li wieħed mill-valuri tas-soċjetà Maltija huwa l-fatt li dejjem lesta biex iddaħħal idha fil-but, anke jekk mhux kulħadd jinżel fl-istess fond minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. 

Kwistjoni li ġġib magħha talba għal ġbir ta’ fondi hija bla ebda dubju, xi jsir minn dawn il-fondi u jintefqux skont il-ħtieġa.

Riċentament assistejna għal kritika qawwija minħabba l-offerta li l-grupp ta’ Wistin Vella għamel għall-irfigħ tal-vara ta’ Santa Marija fl-Imġarr. Dan il-grupp spiċċa mgħajjar pagan, miġnun u skandaluż fost aġġettivi xejn sbieħ oħrajn meta waslu biex offrew €46,000 waqt li kienu qegħdin isiru l-offerti. Ftit wara din il-kundanna nħarġet stqarrija fejn intqal li fost dawk li se jibbenefikaw minn din l-għotja kien hemm id-Dar tal-Providenza, Hospice Malta u St Jeanne Antide Foundation. Din mhux l-unika darba li nqalaw kwistjonijiet ta’ dan it-tip u nemmnu li minkejja ċ-ċifra tista’ tidher daqstant kbira, jagħmel sens li dak li jkun jieqaf u jaħseb ftit qabel jaqbad u jikkummenta. Tajjeb li dak li jkun jieqaf u jirrifletti ftit dwar il-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jistgħu jkunu qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet u li fil-verità l-ebda ċifra qatt mhi biżżejjed biex tkompri l-ispejjeż ta’ dawn l-għaqdiet.

Iżda minbarra dawn l-għotjiet, hemm għotja oħra li fl-aħħar ħarġiet ta’ dan is-sit ikkonfermajna kemm huma imprezzabbli. Fi żjara fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-demm iltqajna mal-istaff li spjegalna dwar il-proċess bejn il-mument li donatur jersaq biex jagħti d-demm u dak fejn id-demm ikun lest biex jingħata lil tant pazjenti fil-bżonn. Id-domanda għad-demm qiegħda tkompli tiżdied u dan mhux biss minħabba trattamenti fl-Isptarijiet madwar il-pajjiż, iżda anke minħabba l-ammont ta’ inċidenti li qegħdin ikomplu jiżdiedu. Jikkonfermaw dan statistiċi maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Ta’ kuljum id-domanda għad-demm hija ta’ madwar 50 borża li minn kull waħda minnhom jiġu megħjuna tliet pazjenti. Mhux dejjem tintlaħaq din il-kwota u jekk ma jkunx hemm biżżejjed donazzjonijiet nistgħu nassistu għal episodji li s’issa fortunatament għadhom qatt ma’ ġraw – każijiet fejn persuni jistennew trattament l-Isptar ikollhom jistennew minħabba l-bżonn ta’ riżerva neċessarja f’każijiet ta’ emerġenza li jingħataw prijorità.

Ta’ dan nemmnu li m’hemmx kliem biex nirringrazzjaw lil dawk id-donaturi kollha, li anke jekk ftit li xejn nafu bihom, jiddedikaw parti mill-ġurnata tagħhom biex isalvaw lil ħaddieħor. Filwaqt li donazzjoni finanzjarja hija bżonjuża ferm biex aktar għaqdiet u soċjetajiet ikomplu jgħinu lil ħaddieħor, donazzjoni ta’ demm hija imprezzabbli u fl-istess waqt tiswiex flus.

Sport