Saturday, March 14, 2026

“Bżonn li l-ispazji miftuħa jitqiesu bħala l-infrastruttura tal-ħajja fil-komunità”

Studjurban bi strateġija għall-viżjoni ResidentFirst tal-Kunsilli Lokali… Intervista ma’ Dr Antoine Zammit


Aqra wkoll

Waqt konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Studjurban ippreżentat id-dokument tagħha “Open Spaces”, kollezzjoni ta’ ħames dokumenti li se jagħmlu parti mill-viżjoni ResidentFirst tal-Assoċjazzjoni. Il-ħames dokumenti jippreżentaw qafas prattiku biex l-ispazji pubbliċi nħarsu lejhom u nibdew tassew nimmaniġġjawhom bħala sehem importanti tal-komunità. 

L-istrateġija ta’ ħames dokumenti, li tfasslu matul din l-aħħar sena mill-istudju ta’ arkitettura u disinn urban Studjurban għall-Assoċjazzjoni, jindirizzaw parks u ġonna, wirt storiku u pjazzez, swieq, spazji urbani adattivi u sport fil-miftuħ.

Fir-rigward, il-fundatur u direttur ta’ Studjurban u l-awtur prinċipali tal-linji gwida, Dr Antoine Zammit, spjega li, “l-eżitu ta’ dawn il-linji gwida dwar l-ispazji miftuħa jirrifletti dak li nqisu bħala waħda mill-aktar sfidi urġenti għal Malta jiġifieri l-mod kif il-bliet u l-irħula tagħna jużaw, jew jonqsu milli jużaw, l-ispazji miftuħa tagħhom”.

Dr Zammit sostna li l-approċċ nazzjonali lejn l-ispazji miftuħa ilu għal żmien twil frammentat. Innota li, “in-nies għandhom it-tendenza li jaraw park, triq jew pjazza bħala postijiet iżolati. Dak li qed nipproponu huwa bidla fil-mentalità fejn dawn l-ispazji jibdew jitqiesu bħala parti integrali ta’ sistema urbana ħajja u konnessa, aktar milli bħala biċċiet ta’ art li nzertaw ma nbnewx. Jiena nħares lejn l-ispazji miftuħa bħala l-infrastruttura tal-ħajja tal-komunità”.

Mhux lussu imma komponent essenzjali

L-ewwel dokument, li jiffoka fuq il-Parks u l-Ġonna, jifforma l-pedament tal-viżjoni. Fil-bliet Maltin b’densità għolja ta’ popolazzjoni, l-infrastruttura ħadra qiegħdda tiġi ppreżentata mhux bħala lussu iżda bħala komponent essenzjali tar-reżiljenza urbana.

Il-linji gwida jenfasizzaw it-tħawwil ta’ pjanti indiġeni u reżistenti għan-nixfa, l-għażla strateġika tas-siti, il-ġbir ta’ data biex tinforma d-deċiżjonijiet dwar l-ispazji miftuħa, l-ippjanar tal-manutenzjoni fit-tul u l-monitoraġġ wara l-implimentazzjoni biex jittieħdu nibqgħu nitgħallmu għal meta niġu għal proġetti ġodda fil-futur.

Dr Zammit żied li, “l-ispazju tagħna huwa limitat u l-klima taf tkun ħarxa. Il-parks iridu jkunu reżiljenti, multifunzjonali u soċjalment inklużivi. Għandhom jgħinu biex jikkontrollaw il-klima fil-lokalità tagħhom, jappoġġjaw il-bijodiversità u jipprovdu spazji għat-tagħlim, il-logħob u l-laqgħat tal-komunità”.

Il-wirt storiku, iċ-ċentri urbani, il-pjazez u s-swieq

It-tieni dokument jindirizza l-wirt storiku, iċ-ċentri urbani u l-pjazez u jinnota kif snin twal ta’ dominanza tal-karozzi u ppjanar dgħajjfu r-rwol ċiviku ta’ dawn l-ispazji fil-komunità.

“Il-pjazza hija l-qalb ta’ kull lokalità; post fejn in-nies jiltaqgħu, jiċċelebraw u jħossuhom parti mill-komunità. Minflok spazju mitluq, il-pjazez għandhom jingħataw ħajja ġdida billi titkompla t-tradizzjoni kulturali flimkien mal-ħtiġijiet kontemporanji u b’hekk jinbidlu f’ispazji vibranti, inklużivi u ekonomikament sostenibbli. Huwa għalhekk li l-approċċ li jagħti prijorità lin-nies pedonali huwa ċentrali biex dawn iċ-ċentri urbani jerġgħu jingħataw lura lill-komunità.”

Fit-tielet dokument, relatat mas-swieq miftuħa, Dr Zammit jinnota kif in-nies spiss jonqsu milli japprezzaw il-valur tas-swieq. Insista li, “kull suq mhuwiex biss opportunità ta’ xiri jew bejgħ, iżda spazju soċjali u kulturali u mutur għall-intrapriża lokali. Suq imfassal tajjeb jista’ jagħti ħajja ġdida lil kull pjazza, iżda l-linji gwida tagħna jirrakkomandaw ippjanar bir-reqqa li jibbilanċja l-bżonnijiet tar-residenti mat-turiżmu, implimentazzjoni f’fażijiet u governanza attiva”.

L-użu mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u sport fil-miftuħ

Ir-raba’ volum, dwar l-użu mill-ġdid tal-ispazji miftuħa, jintroduċi l-kunċett ta’ “aġilità urbana” permezz ta’ interventi temporanji u bi spiża baxxa bħal parks temporanji, festivals fit-toroq u inizjattivi mmexxija mill-komunità.

“L-ispazju urban mhuwiex statiku. L-urbaniżmu sperimentali jew tattiku, jippermetti lill-komunitajiet joħolqu flimkien l-ambjent tagħhom u jittestjaw ideat differenti qabel ma jsiru bidliet aktar permanenti. Approċċi bħal dawn jipprovdu lill-Kunsilli Lokali b’għodod flessibbli biex jesperimentaw, jadattaw u jirrispondu għall-bżonnijiet li jinbidlu tal-komunitajiet.”

Il-ħames dokument jiffoka fuq l-isport fil-miftuħ u jestendi l-qafas għal aspetti relatati mas-saħħa, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali. Dwar dan Dr Zammit enfasizza kif ħandna bżonn spazji li jistiednu lill-persuni jiċċaqalqu, kemm jekk huma tfal jilagħbu, adulti jagħmlu eżerċizzju jew anzjani jimxu. “Id-disinn għal użu interġenerazzjonali, is-sigurtà u r-rispons ambjentali jibdlu l-attività ta’ kuljum f’att ċiviku.”

Governanza,  tmexxija tajba u involviment ċiviku

Fil-preżentazzjoni tiegħu, Dr Zammit spjega kif din l-istrateġija hija maħsuba wkoll fil-kuntest ta’ kuxjenza dejjem tikber dwar is-solitudni u l-bżonn ta’ “third spaces” aċċessibbli li jinkoraġġixxu l-konnessjoni bejn in-nies. Għalih is-sostenibbiltà mhiex biss dwar pjanti, materjali jew prestazzjoni ambjentali iżda wkoll dwar governanza, tmexxija tajba u involviment ċiviku. L-ispazji pubbliċi jirnexxu meta n-nies tħossha responsabbli b’mod kollettiv.

Mistoqsi jekk approċċ bħal dan huwiex realistiku fil-kuntest urban attwali ta’ Malta, fejn it-trasport bil-vetturi għadu dominanti, Dr Zammit kien ottimist. “Se jkun hemm bżonn ta’ bidla b’saħħitha fejn il-Kunsilli Lokali, il-professjonisti u r-residenti jridu jibdew jaraw lil xulxin bħala sħab. L-ispazji miftuħa m’għandhomx jitqiesu bħala ħsieb wara jew obbligu ċiviku, iżda bħala mezz li jġib iżjed għaqda fil-komunitajiet biex tkun żgurata l-kontinwità kulturali u r-reżiljenza soċjali. Meta timxi minn pjazza jew park imfassal tajjeb, tinduna. Hemm sens ta’ appartenenza, ta’ identità u ta’ ħajja li qiegħda tiġri madwarek. Dak huwa dak li jixirqilhom il-bliet u l-irħula tagħna.”

Linji gwida msejsa  fuq ir-realtà tal-pajjiż

Il-linji gwida ppreżentati lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali huma ambizzjużi iżda, kif jispjega Dr Zammit, huma msejsa fuq ir-realtà ta’ Malta fejn densità għolja ta’ popolazzjoni, art limitata u vulnerabbiltà ambjentali jagħmlu d-disinn integrat u adattiv mhux biss mixtieq iżda essenzjali.

Huwa spjega li l-għan tagħna huwa prattiku u viżjonarju fl-istess ħin. “B’dawn il-ħames dokumenti rridu mhux biss li l-Kunsilli Lokali jkollhom għodod li jistgħu japplikaw immedjatament, iżda wkoll qafas biex jaħsbu fit-tul dwar il-ħajja ċivika tal-komunitajiet tagħhom.

Open Spaces huwa iżjed minn sett ta’ linji gwida tekniċi. Dawn id-dokumenti jippreżentaw viżjoni mibnija fuq kollaborazzjoni, inklużività u ħsieb b’viżjoni u jistiednu lill-Kunsilli Lokali, lill-professjonisti u lir-residenti biex iħarsu lejn kull spazju miftuħ bħala opportunità biex jinħolqu postijiet sostenibbli, ġusti u verament adattati għall-għajxien,” temm Dr Antoine Zammit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport