Sunday, December 22, 2024

“Bżonn li nagħtu aktar spazju liż-żgħażagħ fis-settur agrikolu”

Tliet bdiewa akbar minn 65 sena għal kull wieħed taħt il-41 sena

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt diskussjoni li saret fil-parlament b’rabta mal-emenda fil-liġi tat-tiġdid tal-kiri tar-raba’, il-membri parlamentari fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra qablu li s-settur tal-agrikoltura hemm bżonn li jingħata l-importanza meħtieġa biex verament ikun jista’ jkollna serħan il-moħħ reċiproku bejn il-bdiewa li jipproduċulna l-ikel u l-poplu. 

Fil-parlament ġew innutati ċertu ċifri pjuttost inkwetanti rigward il-bdiewa fl-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif 11 fil-mija biss tal-biedja fl-Unjoni Ewropea titmexxa minn bdiewa li għandhom inqas minn 40 sena. L-istatistika turina wkoll li għal kull bidwi li għandu inqas minn 41 sena, hemm tlieta li huma ikbar minn 65 sena. Dan kollu qed iwassal għal sfidi akbar biex dan is-settur ikun kapaċi jattira żgħażagħ, mhux biss li jirtu s-sengħa mingħand ta’ qabilhom, iżda anke żgħażagħ li jkomplu jistudjaw u jevalwaw opportunitajiet ta’ kif jibnu karrieri f’dan is-settur li jħallsu tajjeb.

11 fil-mija biss tal-biedja fl-UE titmexxa minn bdiewa żgħażagħ

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar dawn iċ-ċifri u qalet li dawn iwassluna għal mistoqsijiet kontinwi ta’ kif u min se jkun qiegħed jaħdem l-għelieqi 10 jew 20 sena oħra u fuq kollox hux se jkollna biżżejjed nies li jidħlu f’dan is-settur biex ikomplu jipproduċu l-ħxejjex u l-frott. Fakkret dwar l-għajnuniet varji ta’ gvern Laburista. Tkellmet dwar l-iskema tal-Young Farmers u li permezz ta’ din l-iskema, numru ta’ żgħażagħ, anke li mhumiex ġejjin minn familji f’dan is-settur, ibbenefikaw u qed ikomplu jibbenefikaw minn għajnuniet finanzjarji ta’ €70,000 sabiex jibdew intrapriża ġdida f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn dawn l-għajnuniet jistgħu jintużaw biex jinxtraw inġenji ġodda jew isir immodernizzar.

Bugeja Said qalet li l-bdiewa ma jibżgħux mix-xogħol iebes li joffri s-settur agrikoli, ma jibżgħux mill-fatt li għalihom m’hemmx ħdud festi, xemx tiżreġ jew kesħa xxoqq l-għadam, iżda madanakollu waħda mir-realtajiet li qiegħda tiskoraġixxi lill-bdiewa żgħażagħ hija l-aċċess għall-art.Hija nnutat il-problema li bidwi zagħżugħ li jixtieq jibda mill-ġdid, m’għandux aċċess għall-art u allura m’għandux opportunità biex itejjeb is-sitwazzjoni tas-settur. Spjegat li dawn il-bidliet proposti għandhom il-ħsieb li nifhmu li għalkemm importanti li jkollok biex tixtri makkinarju, l-aktar għodda importanti li jeħtieġ li nibdew biex nagħtu liż-żgħażagħ tagħna interessati, hija l-opportunità li ta’ dik it-tomna art biex jibdew jimirħu f’dan is-settur. Sostniet li fl-aħħar snin kellek sitwazzjonijiet ta’ art li kienet qiegħda tinħataf fuq bażi ta’ sejħiet, minn persuni finanzjarjament ferm aktar b’saħħithom u sfortunatament assistenjna anke għal ċertu abbużi minn din l-istess art li kienet titlef l-iskop agrikolu tagħha. Bugeja Said spjegat li din ir-riforma tar-raba’ tħares fil-fond lejn din ir-realtà, u qed tipproponi li jkun hemm miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-bidwi żagħżugħ u l-aċċess għall-art. Kompliet biex tgħid li dan huwa mod realistiku u tanġibbli li jista’ jġib is-settur agrikolu wieħed sostenibbli u b’futur għall-ġejjieni. 

“Jeħtieġ li niddefinixxu min hu l-bidwi ġenwin”

Alicia Bugeja Said

Is-Segretarju Parlamentari qalet li dan il-Gvern dejjem irrealizza l-bżonn li jibqa’ qrib is-settur, jagħraf il-bżonnijiet tiegħu u li l-politika tiegħu tkun imfassla fuq pjan infurmat. Pjan li jirrifletti l-bżonnijiet tal-preżent, u fuq kollox, dawk tal-futur. Pjan viżjonarju li fil-qalba tiegħu jkollu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel. 

Hija kompliet biex tgħid li biex nimxu lejn din is-sostenibbiltà, il-bidwi għandu bżonn serħan il-moħħ, anke dak il-bidwi b’tomna art waħda biss, għandu jibqa’ jaħdem din l-art li minnha jkun qed jitma lil familtu, mingħajr inkwiet li xi darba jispiċċa żgumbrat. Tenniet tgħid li meta bidwi jiġi żgumbrat minħabba sentenza kostituzzjonali ma jfissirx biss li jkun hemm bidwi li jkun tilef xogħlu u lanqas li hemm familja li tilfet l-art li kienet taħdem. Għalkemm din hija problema, agħar minn hekk għandek parti oħra minn dan is-settur li ntilfet u magħha l-opportunità li din is-sengħa tiġi trasmessa għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Tkellmet dwar id-deċiżjoni tal-gvern li jintervjeni biex jindirizza dawn il-problemi u li dan seta’ jsir għax il-gvern ma beżax jiddeċiedi. Filwaqt li kompliet biex tispjega dwar il-proposti mressqa aktar qabel, Bugeja Said qalet li fost l-ħrajn se titwaqqaf awtorità li tħares ir-raba’, reġistru ta’ bejgħ u l-kiri, se jkun żgurat li fuq kollox art agrikola tibqa’ tintuża għal skopijiet agrikoli u hawnhekk se jingħataw anke inċentivi biex il-gvern jinkoraġixxi din l-attività.

Hawnhekk hija sostniet li fuq kollox, qiegħed ikun propost li jkun hemm definizzjoni ta’ x’jiddefinixxi l-bidwi u li ssir distinzjoni mhux biss bejn dawk full time, part time u dilettanti fost l-oħrajn, iżda fuq kollox issir distinzjoni bejn bdiewa ġenwini u dawk li jużaw l-art għal skopijiet oħra abużivi.

Ekonomija

Sport