Thursday, December 19, 2024

Bżonn ta’ aktar ħaddiema fis-settur soċjali – il-Ministru Michael Falzon

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Politika Soċjali Michael Falzon waqt li kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri sostna li jeżistu realtajiet kiefra li hawn tfal li tajjeb jew ħażin qed jispiċċaw taħt il-kura tal-Istat.

Falzon qal li hemm diversi affarijiet li wieħed irid jindirizza. Hu sostna li l-ironija jew il-kefrija għat-tfal hija meta l-ġenituri jisseparaw, u ħafna drabi l-istess tfal jispiċċaw vittmi nnoċenti.

“Għalhekk l-Istat u l-Gvern għandu responsabbilità li jħares lit-tfal partikolarment dwar l-aktar vunerabbli,” qal il-Ministru Falzon.

Fil-Parlament il-Ministru Falzon kompla jgħid li wieħed irid jitgħallem mill-esperjenzi l-ġodda. “Din il-liġi għamlet break totali mas-sistema ta’ qabel li kienet iddur mal-politiku. Jekk hemm xi liġi li politiku żgur ma jkunx jixtieq iħadimha dejjem hija din liġi,” qal il-Ministru Falzon.

Qabel il-liġi kienet titfa’ l-piż kollu b’mod partikolari dwar il-care orders fuq il-politiku. Hu sostna li kull każ għandu storja differenti u għalhekk wieħed irid joqgħod ħafna attent.

Dwar is-social workers qal li wieħed irid jara kif se ninċentivawhom. Il-Ministru qal li r-realtà hi li m’għandekx biżżejjed ħaddiema fis-settur soċjali u dan mhux f’pajjiżna biss.

“Din hija realtà li pajjiżna għandu jindirizza li aktar persuni jidħlu għal karriera fis-settur soċjali,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

“Fejn jidħlu tfal, m’għandux ikun hemm kompromessi”

Id-Deputat Laburista Katya De Giovanni tkellmet dwar l-importanza li jsir assessjar kif suppost. Saħqet li fejn jidħlu tfal m’għandux ikun hemm kompromessi filwaqt li huwa essenzjali l-iżvilupp kontinwu professjonali.

“Naf li mill-bord tal-psikologi dan hu rikjest għax jekk ma jsirx wieħd jista’ saħansitra jitlef il-warrant. Biss però spiss rajt prattika u użu ta’ testijiet mingħand individiwi anke fi professjonijiet oħra li żgur mhumiex imħarrġa biex jużaw ċertu testijiet psikoliġiċi kif suppost,” qalet De Giovanni.

Kien hawn fejn ħeġġet għal aktar skrutinju u l-proviżjoni tar-riżors uman sabiex wieħed jista’ jassigura dejjem standards tal-ogħla kwalità f’dan ir-rigward. “Wieħed irid joqgħod attent għax riżultat ta’ test fil-kultura tagħna jittieħed bħala sagrostant.”

De Giovanni qalet ukoll li hemm bżonn ta’ aktar għarfien fuq kif tintuża u minn min għandha tintuża informazzjoni sensittiva. Mhux biżżejjed li kulħadd jitkellem fuq il-GPDR li llum il-ġurnata saret qisha buzz word. Importanti nidħlu fid-dettall tagħha. Għalhekk l-importanza li toffri l-liġi fejn tidħol il-protezzjoni tad-data u informazzjoni oħra.”
Finalment, hija tkellmet dwar diversi inċentivi li jirrigwadjaw lit-tfal fosthom iż-żieda fiċ-children’s allowance, iż-żieda fl-allowance għall-foster carers u anke għal min jiddeċiedi li jadotta t-tfal.

Ekonomija

Sport