ĊELEBRAZZJONI INTERNAZZJONALI GĦAN-NISA U L-BNIET FIX-XJENZA
Illum, 11 ta’ Frar, huwa l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza li kien implimentat mill-UNESCO b’kollaborazzjoni ma’ diversi istituzzjonijiet u soċjetajiet ċivili. Kien fl-2015 li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) iddikjarat dan il-jum bħala l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza u din is-sena se jkun iċċelebrat l-10 anniversarju fil-kwartieri ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi.
Minkejja li n-nisa għamlu progress kbir fil-parteċipazzjoni tagħhom f’edukazzjoni ta’ livell għoli, jirriżulta li dawn għadhom b’rappreżentanza baxxa ħafna fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Dan il-jum għandu proprju l-għan li jippromwovi lis-sess ġentili lejn ix-xjenza, li jingħataw l-opportunitajiet kemm edukattivi kif ukoll fid-dinja tax-xogħol u biex f’kull sfera jħossuhom ugwali għall-irġiel.
Ix-xjenza: Settur dinamiku, kollaborativ u diversifikat
Fiż-żminijiet li ngħixu fihom ix-xjenza hija settur dinamiku, kollaborativ u diversifikat li jservi bħala għodda biex jindirizza sfidi globali u jagħti opportunità ta’ karrieri li jmorru lil hinn mil-laboratorju. Pijunieri bħalma kienet Marie Curie huma xhieda u prova ta’ kemm in-nisa jistgħu jħallu impatt u jibdlu d-dinja grazzi għall-ħidma tagħhom f’diversi oqsma xjentifiċi ta’ importanza kbira.
Minkejja dan, ir-rikonoxximent ferm limitat tal-kontribut li jagħtu n-nisa fl-oqsma STEM jenfasizza l-bżonn tal-avvanz għall-ugwaljanza tal-ġeneri u biex niċċelebraw aktar id-diversità.
Fil-fatt, minkejja li l-oqsma ta’ STEM huma meqjusa sew bħala kritiċi għall-ekonomiji nazzjonali, s’issa f’ħafna pajjiżi, irrelevanti minn kemm huma żviluppati, għadhom ma kisbux l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma ta’ STEM. Din id-differenza tul is-snin baqgħet tippersisti fil-livelli kollha tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Fenomenu osservat madwar id-dinja kollha.
Kwistjoni prinċipali għall-Ġnus Magħquda…
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienet dejjem kwistjoni prinċipali għall-Ġnus Magħquda. Din l-organizzazzjoni tisħaq li jekk nisa u bniet jitqiesu ugwali u jingħataw l-għodda meħtieġa, dawn kapaċi jagħtu kontribut kruċjali mhux biss għall-iżvilupp tal-ekonomiji tad-dinja iżda jkun hemm progress ukoll għall-miri tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030.
Il-medja globali ta’ nisa f’impjiegi STEM żdiedet minn 32% fl-2011 għal 35% fl-2021, żieda ta’ 3%. Fl-1970, kienu 8% biss tan-nisa li jaħdmu fl-oqsma STEM. L-irġiel għadhom b’rappreżentanza ferm akbar f’pożizzjonijiet tekniċi, il-65% bqija tal-pożizzjonijiet STEM.
Dati importanti għall-promozzjoni tan-nisa u l-bniet huma l-14 ta’ Marzu tal-2011, fil-55 sessjoni tagħha l-Kummissjoni għall-Istatut tan-Nisa adottat rapport li fih sar ftehim għal aċċess u parteċipazzjoni ta’ nisa u bniet fl-edukazzjoni, taħriġ u xjenza u teknoloġija, kif ukoll għall-promozzjoni għal aċċess ugwali għal impjieg diċenti fuq bażi full time; u l-20 ta’ Ottubru tal-2013 l-Assemblea Ġenerali adottat reżoluzzjoni għal aċċess sħiħ u ugwali għall-parteċipazzjoni fix-xjenza, teknoloġija u innovazzjoni għan-nisa u l-bniet ta’ kull età fejn huwa imperativ li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u li tingħata l-għodda meħtieġa.
Diversifiazzjoni għal żieda fit-talenti
Il-ħidma għal żvilupp sostenibbli ġġib magħha diversi sfidi li jvarjaw mill-bidla fil-klima għal saħħa aħjar u għaldaqstant il-kamp xjentifiku qiegħed jiġbor l-aqwa talenti fil-qasam. Dan ifisser li jrid jattira aktar nisa fl-oqsma STEM. Id-diversifikazzjoni fil-kamp tar-riċerka jagħti lok biex jiżdiedu t-talenti b’perspettivi ġodda u kreattivi.
Huwa proprju għalhekk li niċċelebraw dan il-jum internazzjonali – biex ifakkarna li s-sess femminili għandu rwol kruċjali fil-komunitajiet tax-xjenza u t-teknoloġija u li l-parteċipazzjoni tagħhom hija importanti u hemm bżonn li tissaħħaħ.
L-okkażjoni tal-lum tibni fuq il-ħidma u l-għajta tal-UNESCO għal azzjoni biex jispiċċa l-gender gap fix-xjenza u biex ikun esplorat ir-rwol kritiku tan-nisa fl-innovazzjoni xjentifika. Din iċ-ċelebrazzjoni tgħaqqad fuq il-mejda tad-diskussjoni fost l-oħrajn lill-istati membri, lil xjenzati promettenti u dawk diġà stabbiliti, lill-pubbliku, networks xjentifiċi tal-UNESCO, ġurnalisti u anke studenti.
Hemm titjib iżda…
“Għad fadal triq twia biex tinkiseb il-parità bejn is-sessi”
Il-Kap tal-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni tal-Istitut tal-Inġinerija u Teknoloġija (IET) u d-Direttur Maniġerjali tal-WISE, Dott. Laura Norton, spjegat kif ”in-numru ta’ nisa f’okkupazzjonijiet STEM fl-aħħar għaxar snin irdoppja għal aktar minn miljun. Dan grazzi għall-ħidma bla heda ta’ organizzazzjonijiet bħall-IET u inizjattivi bħalll-Premjijiet għall-Inġinier Żgħażagħ tas-Sena. Iżda, għad fadal triq twila biex tinkiseb il-parità bejn is-sessi”.
Hija kompliet tgħid li, “il-premjijiet tagħna jagħtu attenzjoni fuq in-nisa inkredibbli ‘l fuq u ‘l isfel fil-pajjiż li qegħdin imexxu l-bidla biex itemmu sterjotipi u jfasslu dinja aħjar għalina lkoll. Huma jipprovdu mudelli tal-ħajja reali għal ġenerazzjonijiet iż-żgħar biex jinkoraġġixxu diversità akbar fl-industrija”.
Min-naħa tagħha Norton instiet li għandna responsabbiltà u opportunità li neliminaw l-isterjotipi li jagħmlu l-ħsara li bħalissa jheddu l-industrija tagħna. “Għalhekk, huwa vitali li nippromwovu l-karrieri tal-inġinerija għall-ġenerazzjoni li jmiss u nuruhom kemm jista’ jkun ix-xogħol eċċitanti, kreattiv u li jbiddel il-ħajja f’dan is-settur,” temmet Dott. Laura Norton.
Sadanittant fi studju riċenti li sar jirriżulta li l-interess tal-bniet fis-suġġetti STEM mill-2017 żdied minn 45% għal 55%. Irrizulta wkkoll li l-akbar żieda fl-interess kien fost il-bniet tal-ħames u s-sitt sena. Dan l-interess fost il-ġenerazzjoni l-ġdida femminili jagħti tama qawwija li l-ugwaljanza, anke fis-settur tax-xjenza, se tintlaħaq fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, il-frott tal-ħidma li ssir f’dan il-jum internazzjonali qiegħda tħalli riżultati ferm pożittivi u huwa importanti li nkomplu f’din id-direzzjoni.
Premju Nobel fil-kategoriji tax-xjenza
… 17% biss huma n-nisa li rebħu
- Marie Curie (1867-1934) pijuniera tar-riċerka fuq ir-radju attività rebbieħa fil-kategorija tal-Kimika (1911);
- Irène Joliot-Curie rebbieħa fil-kategorija tal-Kimika (1935);
- Gerty Cori – Premju Nobel tal-Fiżjoloġija jew Mediċina (1974);
- Maria Goeppert Mayer – Fiżika fl-1963;
- Dorothy Crowfoot Hodgin – Kimika (1964);
- Rosalyn Yalow – Fiżjoloġija jew Mediċina fl-1977;
- Barbara McClintock – Fiżjoloġija jew Mediċina (1983);
- Rita Levi-Montalcini – Fizjoloġija jew Mediċina (1986);
- Gertrude B. Elion – Fiżjoloġija jew Mediċina (1988);
- Christiane Nusslein-Volhard – Fiżjoloġija jew Mediċina (1995);
- Linda Buck – Fiżjoloġija jew Mediċina (2004);
- Francoise Barrè-Sinoussi – Fiżjoloġija jew Mediċina (2008);
- Ada Yonath – Kimika (2009);
- Carol Greider u Elizabeth Blackburn – Fiżjoloġija jew Mediċina (2009);
- May-Britt Moser – Fiżjoloġija jew Mediċina fl-2014;
- Tu Youyou – Fiżjoloġija jew Mediċina (2015);
- Frances H. Arnold – Kimika fl-2018; u
- Donna Strickland – Fiżika (2018).