L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-President Victor Carachi u wħud mis-Segretarji ta’ diversi taqsimiet, ilbieraħ iltaqgħet mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-Hon. Dr. Miriam Dalli.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat tkellmu dwar il-bżonn ta’ aktar ħaddiema, speċjalment dawk b’ħiliet tekniċi, kemm fil-manifattura kif ukoll fl-industrija tal-karozzi fost oħrajn. Ġiet diskussa wkoll il-ħtieġa ta’ organizzazzjoni fis-sistema tat-trasport fiż-żoni industrijali. Iż-żewġ naħat esprimew fehmiet dwar kif jistgħu jindirizzaw dawn is-sitwazjonijiet.
Fil-laqgħa tkellmu wkoll dwar il-Green Deal u kif bħala pajjiż nistgħu naħdmu flimkien biex nagħmlu din it-tranżizzjoni. Issemmiet ukoll il-ħtieġa ta’ re-skilling tal-ħaddiema li se jiġu affettwati minn din il-qalb, magħrufa bħala Just Transition.
Waqt il-laqgħa ġiet diskussa l-ħidma konġunta għal pjan ta’ azzjoni biex ngħinu naċċelleraw it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari bil-għan li nilħqu n-newtralità klimatika sal-2050.
Min-naħa tal-Ministeru, barra l-Hon. Dr. Miriam Dalli kien hemm ukoll Steve Ellul, filwaqt li min-naħa tal-General Workers’ Union kien hemm Kevin Camilleri – Deputat Segretarju Generali, Rita Dimech – Segretarja tat-Taqsima Kimika u Energija, Riccarda Darmanin – Segretarja ta’ Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Kenny Muscat – Segretarju tat-Taqsima Ospitalita u Ikel, u David Darmanin – Segretarju ta’ Taqsima Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni.