Tuesday, February 18, 2025

Bżonn ta’ azzjoni drastika biex tindirizza n-nuqqas ta’ twelidijiet

- il-Ministru Clyde Caruana

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa konxju tan-nuqqas ta’ twelidijiet tant li huwa maħsub li l-popolazzjoni Maltija sa ħamsin sena oħra se tkun niżlet għal 240,000 filwaqt li l-għadd ta’ anzjani se jkun tela’ għal 40%. Għalhekk jinħtieġu miżuri bil-għan li l-familji jiġi mħajra jkollhom aktar minn wild wieħed.

Fil-ħin tal-aġġornament parlamentari, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li fi żmien 50 sena, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, id-daqs tal-poplu Malti se jkun niżel b’166,000 persuna. Huwa qal li r-rata ta’ twelid ta’ Maltin is-sena l-oħra kienet ta’ 1.16, li tfisser 3,300 tifel u tifla ta’ ġenituri Maltin.

Filwaqt li rrefera għal studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) miktub mill-Prof. Anna Borg u mill-Prof. Liberato Camilleri, huwa semma wkoll li studju li għamel hu personali rriżultalu li dawk li għandhom wild wieħed, l-età medja tal-missier hi ta’ 32.4 snin u l-età medja tal-omm hi ta’ 31.4 snin.

Dawk li għandhom żewġt itfal, l-età ta’ meta kellhom l-ewwel tifel, tal-missier kienet ta’ 31 sena, u tal-omm kienet ta’ 29 sena. Min ikollu wild wieħed biss ikollu dak il-wild aktar tard minn min jagħżel li jkollu żewġt itfal.

“Dik twasslek biex tinvestiga għaliex. Jirriżulta li l l-familji f’pajjiżna, dawk li għażlu li jkollhom wild wieħed biss, id-dħul tagħhom medju bħala household, (kemm jaqilgħu mara u raġel flimkien) huwa ta’ €50,800. Dawk li għandhom żewġt itfal, id-dħul medju tagħhom huwa ta’ €58,500.

“Jirriżulta wkoll li bejn dawk li għandhom wild wieħed u dawk li għandhom tnejn id-differenza fid-dħul fuq bażi annwali hi ta’ €7,700. Dak ifisser li dawk li għandhom żewġt itfal id-dħul tagħhom huwa ta’ 15% aktar minn dak li għandhom wild wieħed,” kompla jispjega l-Ministru Caruana.

Minn dawn in-numri jrriżulta wkoll illi l-fattur tal-edukazzjoni huwa wieħed determinanti ħafna. “Dan għaliex bla ebda dubju aktar ma kemm wieħed ikollu ħila akkademika, il-probabbiltà hi li aktar se jkollu dħul. Aktar mhu se jkollu dħul, aktar il-probabilità hi li l-post tax-xogħol tiegħu joffri kundizzjonijiet ta’ flessibiltà,” tenna l-Ministru Caruana.

Huwa temm jgħid li s-soluzzjoni għal dan kollu trid tkun waħda aggressiva u massiċċa, għaliex din mhijiex sempliċiment xi ħaġa li se tissolvi billi jiżdiedu ċ-children’s allowance, iżda jrid ikun hemm xi ħaġa li lill-familji tħajjarhom ikollhom it-tieni wild.

“Iirid ikun inċentiv li narah li jkun marbut ma’ sistema ta’ komputazzjoni tat-taxxa addzzjonali. Għandna parent computation, ikollna oħra għal min jagħżel li jkollu aktar minn wild wieħed. U l-għan ikun biex dawn il-familji li jkollhom aktar mnn wild wieħed jiġu megħjuna b’eluf ta’ ewro fis-sena.”

“Diin hi miżura li ma narahiex tiswa miljun, tnejn ħamsa jew għoxrin miljun imma biex tagħmel id-differenza trid tiswa l-għexieren ta’ miljuni. Għamilt ħafna ħin nirrifletti fuqha. Dejjem tkellimt għax inħobb lill-pajjiż u dan il-pajjiż irriid narah jipprospera, pajjiż aktar b’saħħtu mill writnieh.

“Il-messaġġ wassaltu ċar. Hemm bżonn ta’ azzjoni drastika b’miżura li tant kemm tagħmel differenza li kif inħarsu lura fil-passat u ngħidu dak il-gvern għamel dik il-miżura jew dik il-miżura li biddlet il-kors tal-istorja. Din trid tkun miżura daqstant b’saħħitha li tbiddel il-perkors tal-istorja tal-popolazzjoni Maltija għad-diċennji li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Caruana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport