Friday, November 15, 2024

BŻONN TA’ AZZJONI FUQ ŻIEDA FIL-KAŻI TA’ VJOLENZA DOMESTIKA

Aqra wkoll

L-ammont konsiderevoli ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika quddiem it-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija huwa wieħed ta’ tħassib li jirrikjedi azzjoni immedjata. Statistika li ħarġet fl-aħħar jiem turi kemm sfortunatament din il-pjaga fis-soċjetà għadha magħna u li jsir kemm isir dwarha, qatt mhu biżżejjed.

Mit-tagħrif li ngħata mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fil-Parlament, jirriżulta li fl-ewwel 10 xhur tas-sena, din it-Taqsima daħlulha xejn inqas minn 1,414-il rapport ta’ vjolenza domestika. Dan l-ammont sostanzjali jikkwantifika għal medja ta’ kważi erba’ rapporti kuljum, rata meqjusa bħala waħda għolja meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-popolazzjoni tagħna. 

Mill-istatistika joħroġ ukoll li r-rapporti li saru quddiem il-Gender Based Violence Unit kienu jinvolvu 1,567 persuna li minnhom 1,119 kienu vittmi nisa, mentri 457 kienu rġiel. Numri li juru li għalkemm il-vjolenza domestika tolqot l-aktar lin-nisa u tfajliet, qed ikun hemm ukoll ammont ta’ każi ta’ rġiel li jisfaw vittmi ta’ din il-pjaga.

Filwaqt li huwa pożittiv li tara li qed jiżdied l-għarfien dwar il-vjolenza domestika fejn aktar nies qed jersqu ‘l quddiem biex jitkellmu dwar il-problema li jkunu għaddejjin minnha ma’ dawn l-istituzzjonijiet, minn dawn il-kolonni nibqgħu nsostnu li l-prevenzjoni hi aħjar mill-kura. Għalhekk l-għarfien flimkien ma’ edukazzjoni iktar bikrija fuq dan is-suġġett huma kruċjali. Il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar li l-vjolenza mhi aċċettabbli qatt u fl-ebda ċirkostanza. 

Dan l-aħħar tħabbar ukoll li tressaq abbozz ta’ liġi quddiem il-Kabinett li permezz tiegħu se jagħti d-dritt lill-persuni li jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom biex ikunu jafu jekk qattx kienu nstabu ħatja mill-Qrati fuq vjolenza domestika. Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem biex persuni jkunu jafu dwar il-passat ta’ dak il-persuna li magħha se jibdew relazzjoni. 

Minbarra s-servizz lill-vittmi, qed jiġu offruti wkoll programmi speċifiċi għall-aggressuri. Nittamaw li dawn il-programmi jwasslu biex iktar persuni, nisa u rġiel, jagħrfu li l-vjolenza domestika hija att mistmerr fil-forom kollha tagħha għaliex ħadd mhuwa superjuri għal ħadd u ħadd m’għandu dritt fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor.

Fl-isfond ta’ dan kollu, u anke l-aħħar każ ta’ qtil wara diversi episodji ta’ vjolenza domestika, aktar liġijiet stretti huma meħtieġa filwaqt li għandhom jitħaffu l-proċessi fil-Qrati tagħna biex jiġu evitati aktar reati ta’ din ix-xorta. 

Ekonomija

Sport