Tuesday, April 30, 2024

“Bżonn ta’ dħul sigur u immedjat fl-Ewropa għal refuġjati mill-Afganistan”

Dimostrazzjoni ta’ solidarjetà llum f’Bologna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hekk kif it-Taliban, bil-forza ħa taħt idejh it-tmexxija tal-Afganistan, il-poplu ta’ dan il-pajjiż jinsab iddisprat biex jaħrab mill-oppressjoni li dawn il-militanti Iżlamiċi jimponi fuqu. Wara li minn sempliċi protesta f’dan il-pajjiż li fiha nqatlu tliet persuni u oħrajn sofrew ġrieħi, it-tmexxija tal-azzar Talibana qiegħda turi snienha u quddiem din is-sitwazzjoni tal-biki l-għajta hija biex il-pajjiżi Ewropej jilqgħu lir-refuġjati Afgani li jaħarbu minn pajjiżhom. 

Fost l-appelli li anke qegħdin jinxterdu permezz tal-midja soċjali hemm dak ta’ Jan Nawazi, refuġjat mill-Afganistan li huwa stess kien ħarab mill-pajjiż meta kellu biss 17-il sena u mar jgħix Bologna, fl-Italja. F’kampanja ta’ għarfien dwar it-tbatijiet li l-poplu Afgani jsofri taħt it-tmexxija tat-Taliban, Nawazi qiegħed jagħmel appell urġenti biex l-Ewropa tibda tilqa’ refuġjati li jaħarbu mill-Afganistan b’mod speċjali u urġenti dawk vulnerabbli fosthom nisa u bniet. 

Fl-inizjattiva umanitarja li beda permezz ta’ Facebook mir-ristorant tipiku Afgan, “Kabulangna”, f’Bologna Nawazi sejjaħ għal dimostrazzjoni li se ssir illum fis-6.00 ta’ filgħaxija fi Piazza del Nettuno. F’din id-dimostrazzjoni ta’ solidarjetà, l-għajta kollettiva se tkun biex il-mexxejja tal-Istati jassiguraw dħul sigur u immedjat fl-Ewropa għar-refuġjati mill-Afganistan.

F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit Jan Nawazi wissa biex ħadd ma jemmen il-wegħdiet tat-Taliban. “Din id-darba huma qalu li se jkunu aktar paċifiċi u trankwilli fejn assiguraw li se jagħtu permess biex in-nisa jaħdmu. Però, sagħtejn wara li ħabbru dan, bdew bl-oppressjoni tagħhom meta waqqfu ġurnalista mara milli tirrapporta fuq it-televiżjoni u minflokha għamlu raġel bil-leħja”.

Huwa qal li t-Taliban jgħid mod imma jagħmel mod ieħor u kkonferma ma’ dan il-ġurnal li fl-Afganistan l-iskejjel tal-bniet ingħalqu u l-postijiet tax-xogħol li s-soltu jkunu mimlija b’nisa, huma wieqfa wkoll.

“Kull min jista’ jaħrab, se jaħrab”

Dan ir-refuġjat fl-Italja, bħal ħafna Afgani oħra, jaf xi tfisser fir-realtà tmexxija mit-Taliban. Huwa stess minn kmieni f’żogħżitu ħarab minn art twelidu biex isib futur aħjar f’pajjiż Ewropew. Nawazi qiegħed ikun il-vuċi tal-poplu Afghan f’Bologna bħalma qegħdin jagħmlu għadd ta’ persuni oħra f’pajjiżi Ewropej inkluż f’Ateni u f’Ruma li wkoll għamlu dimostrazzjonijiet bl-istess appell tiegħu.

“Issa fl-Afganistan id-demokrazija spiċċat. Hemm kategoriji ta’ persuni, b’mod speċjali s-sess femminili, li huma f’minoranza u ddiskriminati mit-Taliban,” sostna Nawazi. 

Mistoqsi dwar kemm jaħseb li se jkun hemm ċittadini li se jippruvaw jaħarbu mill-Afganistan, huwa qal li minn dak li qiegħed jara, jemmen li kull min jista’ jaħrab, se jaħrab. “Qegħdin nitkellmu dwar popolazzjoni ta’ kważi 45-50 miljun persuna. Fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha bħalissa, mill-inqas 50% taċ-ċittadini Afgani assolutament ma jridux jibqgħu f’dak il-pajjiż. Biżżejjed wieħed jara l-filmati li juru l-ajruporti ta’ Kabul fejn in-nies qegħdin jabbandunaw kollox warajhom biex jipprovaw jaħarbu f’post sigur. Liema omm tasal tagħti lit-tarbija tat-twelid tagħha biex jeħodha ħaddieħor miegħu?” kompla dan ir-refuġjat f’Bologna.

Bologna tipprepara biex tilqa’ r-refuġjati…

Nawazi beda b’din il-kampanja biex jgħin lill-familja tal-mara tiegħu, magħmula minn tliet aħwa bniet, l-omm u l-missier. Din il-familja jingħad li tinsab magħluqa fir-residenza tagħha f’Kabul hekk kif it-Taliban ħa l-kontroll tal-pajjiż. 

L-istess għajnuna ntalbet għal qraba oħra f’żoni differenti fl-Afganistan u mbagħad dan ir-raġel ħass il-ħtieġa li l-appell tiegħu għandu jinfirex għal dawk l-Afgani kollha li fil-ġranet li ġejjin se jipprovaw jaħarbu mill-ħakma tat-Talibani fl-Afganistan.

Bologna mill-ewwel laqgħet l-appell tiegħu tant li ftit sigħat wara s-Sindku tal-post, Virginio Merola, ħabbar li l-amministrazzjoni muniċipali diġà għaddejja b’ħidma mal-Prefettura biex isib postijiet xierqa ħalli tilqa’ lir-refuġjati.

 “Fortunatament f’Bologna naf ħafna nies u kien għalhekk li tlabt li ssir dimostrazzjoni żgħira ta’ solidarjetà biex pajjiżi Ewropej, għal raġunijiet umanitarji, jilqgħu familji u qraba ta’ Afgani li jgħixu hawnhekk. Dan japplika wkoll għall-ħafna nisa u bniet li jinsabu f’periklu kbir taħt tmexxija Talibana,” spjega Nawazi.

Huwa qal li Bologna f’inqas minn 24 siegħa tat widen għall-appell tiegħu li tella’ fuq Facebook. Sal-Ġimgħa filgħodu diġà kien hemm 1,200 persuna li rreġistraw għad-dimostrazzjoni tal-lum, inklużi għadd ta’ assoċjazzjonijiet.

Nawazi ġibed l-attenzjoni għall-fatt li fl-Afganistan issa ċ-ċittadini ttieħdilhom anke d-dritt li jagħmlu dimostrazzjonijiet jew protesti u xhieda ta’ dan semma’ waħda li saret il-Ħamis li għadda minħabba bidla fil-kulur tal-bandiera. Huwa qal li f’din il-protesta nqatlu tliet persuni u għadd oħra sfaw feruti “għal sempliċi protesta li lanqas kienet dimostrazzjoni”. 

Żball u abbandun diżuman

Minħabba l-probabbiltà ta’ influss qawwi ta’ refuġjati fl-Ewropa u forsi anke f’pajjiżi oħra, hemm tħassib minn diversi mexxejja tal-Istati. Rigward dan Nawazi qal li kieku l-Istati Uniti u n-NATO ma riedux li dan iseħħ, ma kellhomx jippermettu li jħallu t-Taliban jieħu lura taħt idejh il-poter u l-kontroll tal-Afganistan u ċ-ċittadini tiegħu.

Huwa qal li l-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej ammettew li dan kien żball kbir, iżda l-Istati Uniti le. Is-superpotenza Amerikana baqgħet tinsisti li lestiet il-missjoni militari tagħha fl-Afganistan u għalhekk ħarġet lis-suldati tagħha minn hemm.

“Kulħadd jaf li dan kien żball min-naħa tal-pajjiżi kollha però, li l-Afganistan u n-nies tiegħu jkunu abbandunati b’dan il-mod, huwa diżuman. Kienu jafu bil-periklu li hemm jekk jitilqu mill-Afganistan bħalissa għax ma kienx il-mument opportun. Jekk għal 20 sena tikkontrolla pajjiż wara li tneħħihom mill-poter u mbagħad jerġgħu jitħallew imexxu, bilfors ikun hemm influss ta’ refuġjati li jridu jaħarbu minn sitwazzjoni terribbli,” saħaq Nawazi. 

Huwa qal li l-messaġġ li jrid iwassal huwa biex kulħadd u kull pajjiż fl-Ewropa jagħti l-għajnuna tiegħu u dan billi l-ewwel jilqgħu persuni f’riskju fosthom dawk li ħadmu mal-Punent, lin-nisa u l-bniet.  

Dan ir-refuġjat fl-Italja temm jgħid li meta f’pajjiż ma tistax issir lanqas sempliċi protesta, huwa ċar li hemm bżonn li tittieħed azzjoni minn barra ħalli tingħata l-għajnuna meħtieġa lil dawn in-nies. 

Sport