Quddiem il-kunflitt fil-Lvant Nofsani u dak li għaddej minnu l-poplu Palestinjan b’mod partikolari it-tbatija kbira li qiegħed jiffaċċja dan il-poplu. Proprju fl-aħħar sigħat il-Ministeru tasSaħħa Palestinjan ta rendikont ta’ kemm mietu tfal u bl-etajiet tagħhom. Mill-ammont ta’ mejtin f’Gaża bl-attakki minn Iżrael, 31% minnhom kienu tfal. Kien hemm imbagħad 33,900 tfal li kienu feruti. Kien hemm 876 tfal li kellhom inqas minn sena li spiċċaw maqtulin.
Minn dawk li kellhom bejn 13 u 18-il sena kien hemm 4,882 tfal maqtulin. Filkaż ta’ tfal li kellhom bejn sitta u 12- il sena, il-vittmi ammontaw għal 5,745. Kien hemm imbagħad 4,110 tfal maqtulin li kellhom bejn sena u ħames snin. Din hi statistika xokkanti. Statistika li turi kif id-dinja falliet. Kif ħalliet kunflitt jeskala għal-livelli sproporzjonati. Kunflitt li wassal għal qtil ta’ innoċenti. U quddiem dan ma tistax ma tistaqsix għaliex ħallejna li naslu sa hawn? Kif ħadd ma kien kapaċi jwaqqaf dan il-kunflitt? X’interessi hemm?
Kif ħafna pajjiżi għażlu li jibqgħu gallarija waqt li bqajna naraw il-vittmi jum wara jum. Fejn huma il-mexxejja dinjin? Dawk ilmexxejja li fil-passat rajnihom jintervjenu biex jintemmu l-kunflitt. Qegħdin nitkellmu fuq mexxejja ta’ stoffa, li donnhom sparixxew mil-livell dinji. Illum is-sitwazzjoni li qegħdin naraw hi kunflitt fil-Lvant Nofsani, b’attakki kontinwi u b’vittmi dejjem jiżdiedu u kulħadd sieket inkluż l-Unjoni Ewropea. Ma ninsewx li wara diskussjonijiet diffiċli mmens biex intlaħaq waqfien mill-ġlied fejn il-Palestinjani kellhom jaċċettaw kompromessi kbar, Iżrael dehrilu li seta’ jiġi jaqgħu u jqumu mill-istess ftehim li ffirmaw għalih ftit ġimgħat ilu.
F’temp ta’ ftit sigħat aktar minn 400 persuna inkluż tfal spiċċaw maqtula u bosta oħrajn ġew midruba. Nemmnu li hemm bżonn inizjattivi biex il-kwistjoni tal-Palestinjani u dak li għaddej minnu tkun trattata. S’issa rajna biss protesti millpubbliku inġenerali f’diversi pajjiżi madwar id-dinja inkluż l-Istati Uniti. Rajna protesti anke minn Lhud stess li ma qablux ma’ dak li kien qed iwettaq il-gvern ta’ Netanyahu. Għalhekk naqblu perfettament mal-inizjattiva li ħa l-membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba li cite lill-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola li bħalissa qed isservi wkoll bħala President tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-biża li qed nosservaw fil-Palestina.
Naqblu ma’ dak li ġie indikat li l-President tal-Parlament Ewropew għandha l-obbligu li tkun il-vuċi li twassal l-opinjoni tal-Parlament u tara li tiġi rispettata. F’Jannar li għadda l-Parlament Ewropew approva mozzjoni li talbet għal waqfien mill-ġlied immedjat. Ma nistgħux nibqgħu b’pożizzjonijiet fl-Unjoni Ewropea fejn nispiċċaw niddefendu lill-Iżrael u noqogħdu lura milli nikkritikaw lill-Iżrael meta wettaq massakri ħafna aktar atroċi b’ritaljazzjoni għal dak li ġarrab. Naqblu ma’ dak espress minn Alex Agius Saliba li l-aġir ta’ Iżrael mhux aċċettabli u wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropeja u l-Parlament Ewropew jnieqfu jiddiskutu u jċanfru u jibdew jieħdu azzjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj. Naqblu li hu b’hekk biss nistgħu ngħidu li ma konniex biss spettaturi f’massakru ta’ iżjed minn 50,000 persuna.
B’hekk biss nistgħu nuru li l-Ewropa hija b’saħħitha u ma toqgħodx lura milli tiddefendi l-ġustizzja. Huwa wkoll id-dmir tal-pajjiżi kollha Ewropej li jonoraw sentenzi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u li niżguraw li dawk ħatja ta’ delitti tal-gwerra jinżammu responsabbli. Wieħed għand jistaqsi dwar ilpjan ippreżentat mil-Lega Għarbija għar-rikostruzzjoni ta’ Gaża. Naqblu li l-Parlament Ewropew għandu jinsisti li l-Unjoni Ewropea tappoġġja l-pjan ippreżentat mil-Lega Għarbija għar-rikostruzzjoni ta’ Gaża.
Wara għexieren ta’ snin ta’ kunflitti u vjolenza, iżda speċjalment wara l-attakki atroċi ta’ dawn l-aħħar sena u nofs, il-Medda ta’ Gaza hija kompletament meqruda. In-Nazzjonijiet Uniti tistima li 90% tad-djar ġew imġarrfin jew sofrew ħsarat kbar.
L-infrastruttura kollha inkluż skejjel, sptarijiet u sistemi tad-dawl, ilma u drenaġġ ġew imfarrka. Biex Gaża terġa tinbena u l-Palestinjani jieħdu r-ruħ u jiksbu l-awtonomija u d-dinjità li jixirqilhom jeħtieġ investiment qawwi, iżda jeħtieġ ukoll li t-tmexxija tal-Ħamas li kkontribwiet għal bidu ta’ dan il-kunflitt tiġi mibdula bi tmexxija iżjed responsabbli. L-investiment ta’ €50 biljun kif propost fil-pjan imressaq mill-Lega Għarbija jkun l-ewwel pass biex forsi fl-aħħar niksbu paċi dejjiema fil-Mediterran. Nittamaw li dan ma jdumx ma jsir.