X’jinvolvi eżatt ir rwol tiegħek bħala President tal-MEIA?
Ir-rwol tiegħi bħala Ġresident tal-MEIA jinvolvi t-tmexxija u r-rappreżentazzjoni tal-assoċjazzjoni u l-membri tagħha fuq livell nazzjonali u internazzjonali.
Xogħli primarjament jinkludi ħidma mill-qrib mal-kumitati eżekuttivi u konsultattivi biex nżviluppaw is-setturi, kif ukoll ngħinu lil membri tagħna u s-setturi in ġenerali biex jegħlbu l-isfidi tagħhom. Inkunu ta’ appoġġ u ta’ leħen għalihom.
MEIA torganizza avvenimenti, tikkoordina proġetti differenti, u t-tisħiħ tal-komunità tal-arti u d-divertiment f’Malta. Bħala president, naħdem fuq il-promozzjoni u d-difiża tal-interessi tal-membri tal-MEIA kemm ma’ entitajiet governattivi kif ukoll privati, filwaqt li noħloq opportunitajiet ġodda għalihom.
Għalija, l-iktar ħaġa importanti hija li, fi żmien it-terminu tiegħi bħala president, inkun nista’ nimplimenta azzjonijiet konkreti li jgħinu biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-artisti u l-professjonisti kollha fis-settur tal-arti u d-divertiment għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.
X’tikkummenta fuq ix-xena tad-divertiment, l-industrija u l-arti f’pajjiżna?
L-industrija u l-arti u divertiment f’Malta qed tkompli tikber, iżda maż-żieda ta’ din it-tkabbir qed tiffaċċja aktar sfidi. Hemm nuqqas ta’ infrastruttura biex din l-industrija tkun tista’ topera b’mod effiċjenti, kemm fiżika kif ukoll operattiva.
Hemm numru dejjem jiżdied ta’ artisti u professjonisti li qed joffru xogħol innovattiv u ta’ kwalità għolja, iżda r-rispett lejn it-talent lokali għandu jiżdied u jiġi rrispettat aktar.
Dan għandu jiġi rrispettat bil-mod kif jitħallas, bil-mod kif jiġi elevat bl-istess livell ta’ dak internazzjonali. Għandna nagħrfu li l-prodott lokali huwa wkoll legat għall-pajjiż, legat tal-istorja tagħna illum u tal-identità tagħna fil-futur.
Għalhekk, il-gvern u l-organizzazzjonijiet privati għandhom jinvestu b’mod aktar ħolistiku biex isaħħu l-ekoloġija u jsostnu din l-industrija. Minkejja ċertu sfidi, ix-xena lokali għandha potenzjal kbir u qed tgħin biex tgħolli r-reputazzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali.
Kemm huma differenti dawn minn dawk li nsibu f’pajjiżi oħra fl-Ewropa?
F’Malta għandha karatteristiċi uniċi li jispikkaw meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Bħala gżira, Malta għandha influwenzi kulturali varji li jiddistingwu l-arti u l-identità tagħha.
Għalkemm id-daqs żgħir tal-pajjiż jista’ jippreżenta ċertu limitazzjonijiet, dan ukoll joffri ċertu vantaġġi, bħal komunità aktar magħquda u aċċess aktar faċli għal riżorsi u opportunitajiet.
Madankollu, il-kollaborazzjonijiet internazzjonali u l-ispirazzjoni minn xeni oħra huma wkoll essenzjali biex jinżamm livell ta’ kompetittività u kwalità. Għandna nirrikonoxxu iżjed l-importanza ta’ dawn is-setturi kemm bl-impatt ekonomiku kif ukoll soċjali.
Tħoss li hemm futur sabiħ għal dawn l-industriji f’pajjiżna?
Assolutament, iżda nemmen li biex ikun hemm futur sabiħ għall-industriji tad-divertiment, l-arti u l-kreattività f’Malta, għandna jkollna viżjoni aktar konkreta u fit-tul.
Billi nnaqqsu l-kompetizzjoni kontinwa bejn il-gvern u s-settur privat, u minflok nħarsu lejn kollaborazzjoni u inklużjoni, fejn ninvestu verament f’ekoloġija sostenibbli, nkunu nistgħu nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li diġà nkisbu.
Hemm bżonn ta’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni u l-infrastruttura biex nassiguraw li l-potenzjal tal-artisti tagħna jkun esplorat kollu kemm hu, u biex inkomplu noffru pjattaforma għal talent ġdid li qed jitfaċċa.