Thursday, November 28, 2024

“Bżonn ta’ miżuri li jnaqqsu l-ħela biex is-servizz tas-saħħa jibqa’ sostenibbli”

- id-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea

Aqra wkoll

Biex is-servizz tas-saħħa jkompli jkun sostenibbli, hemm bżonn ta’ miżuri li jnaqqsu l-ħela. Dan b’mod partikolari f’dak li jirrigwardja mediċini offruti b’xejn. Iddikjara dan id-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea f’diskors li għamel fil-Parlament fejn għamel aċċenn għas-sostenibbiltà fil-qasam tas-saħħa.
Bħala tabib, huwa semma li kellu okkażjonijiet fejn qraba ta’ persuni jmorru għandu b’basket imdaqqas li jkun fih għadd ta’ mediċini, li jlaħħqu l-mijiet ta’ ewro.

“Nibda ngħid imma għaliex? Għaliex għax għandek mediċina b’xejn tiġi taqa’ u tqum, teħodha biex tgħid ħadtha u ma tużahiex?”.

Huwa stqarr li jemmen li wasal iż-żmien li jkun hemm metodu kif nagħmlu s-sistemi ta’ mediċini b’xejn aħjar għan-nies sabiex tonqos il-ħela. Qal li ma jistax ikun li nibqgħu għaddejjin b’sistema fejn ikun hemm dan l-ammont kbir ta’ ħela ta’ mediċini, li jfissru wkoll ħela ta’ riżorsi u flus.

“Għax mhix sostenibbli li nżommu dan l-ammont kbir ta’ mediċini b’xejn bil-mod kif qed naħdmu. Naħseb li wasal iż-żmien li nirregolarizzaw aħjar. Hemm ħafna fuq xiex naħdmu u hemm ideat. Hemm bżonn li anke ċertu mediċi lil persuni tinfetaħ aktar id-disponibilità tagħhom però noqogħdu attenti li jkollna kontroll aħjar fil-mod ta’ kif qed jitqassmu,” qal Agius Galea.

Huwa tenna jgħid li jekk ikollna s-sistemi tas-saħħa tagħna sostenibbli, is-servizz jitjieb u fl-aħħar mill-aħħar intejbu wkoll il-kwalità tal-ħajja tal-individwu u l-benesseri tiegħu.

Sport