Tuesday, April 16, 2024

“Bżonn ta’ pjan serju biex is-sena li ġejja d-dilettanti tal-festi jkomplu fejn ħallew” – Omar Farrugia

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-pandemija bidlitilna ħajjitna. Bidlitilna l-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw. Żgur li qegħda tħalli effetti u li dawn l-effetti ser jibqgħu jinħassu għaż-żmien li ġej. Bħala persuna li twelidt, trabbejt u ngħix fl-Imqabba ninsab imħasseb serjament dwar l-effetti tal-pandemijia li qegħdin iħallu fuq l-identita’ tal-lokal, liema lokal jifforma parti mill-Ħames Distrett.” Stqarr dan il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-Ħames Distrett Omar Farrugia b’reazzjoni għat-tħassib tad-dilettanti tal-festi li fl-aħħar sigħat esprimew id-delużjoni tagħhom minħabba dak li qiesu bħala nuqqas ta’ ugwaljanza fejn jidħlu l-attivitajiet permessi minħabba l-pandemija. Ħafna minn dawn staqsew jekk wara l-Fun Run li għaliha attendew eluf ta’ persuni wasalx iż-żmien li jingħataw direzzjoni ta’ meta se jkunu qegħdin ikomplu jipprattikaw dak li tant iħobbu.

Farrugia jkompli li fil-Ħames Distrett jiġu ċċelebrati 10 festi matul ix-xhur tas-Sajf. Issib 11-il Soċjetà Mużikali. Disa’ kmamar tan-nar li joffru spettakli fil-festi rispettivi u 10 gruppi tal-armar fost oħrajn. Spjega li dawn l-għaqdiet volontarji jħaddnu fihom mijiet ta’ volontiera u partitarji. 

“L-operat tà dawn il-gruppi/għaqdiet tistà tgħid li waqaf għal kollox minħabba l-pandemija. Wasal iż-żmien li lil dawn il-volontiera nagħtuhom pjan ta’ kif matul is-sena 2022 jerġgħu jibdew idawru r-rota fis-setturi tal-festa Maltija. Irriduhom ikomplu joħolmu kif bit-talenti tagħhom ikomplu jnaqqxu l-identità tagħna l-Maltin. Irrdu nħeġġuhom sabiex ikomplu jirsistu u ma jaqtgħux qalbhom”, saħaq is-Sindku tal-Imqabba.

Huwa tenna jgħid li hemm bżonn ta’ pjan serju u li l-Awtroitajiet tas-Saħħa u dawk ċivili jpoġġu madwar mejda flimkien mar-rappreżentanti tal-Għaqdiet ikkonċernati sabiex jigi mfassal pjan dwar kif it-tradizzjonijiet, il-festi u l-attivitajiet reliġjużi li jsawru l-identità tal-poplu Malti jerġgħu jibdew jiġu organizzati. 

Huwa temm jgħid li jekk mhux ser tittieħed azzjoni, jistà jkun tard wisq u se nkunu qegħdin nitilfu parti mportanti mil-kultura popolari Maltija. 

Ekonomija

Sport