Saturday, December 28, 2024

“Bżonn ta’ support group għal min ‘fieq’ mill-Covid-19 u għadu bis-sintomi”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

“Fejn se ndur? Lil min se nkellem? Ilni issa diveris ġimgħat suppost li fiqt mill-Covid19. Xi effetti għadni nħosshom, l-aktar għejja. Ikun hemm waqtiet, u dawn huma spiss fejn tiġi għejja kbira. Ma nkunx niflaħ nagħmel xejn. Nispiċċa mmmur nistrieħ fuq is-sodda. Kemm se ndum hekk? Immur għand it-tabib u jgħidli rridu nistennew għax dan il-virus għadna qed nitgħallmu fuqu. Bħali hawn oħrajn.”

Dan iddikjaratu omm ma’ inewsmalta, li kienet mardet bil-Covid19 fis-sajf u għalkemm ħarġet minnha, hi qed tilmenta minn effetti oħra. “Qabel imradt bil-Covid19, ma kelli ebda kundizzjonijiet. Din l-għejja li qed tifnini, bdiet minn wara l-Covid19. Staqsejt kemm staqsejt tobba, mhux nieħu sodisfazzjon ta’ kif nista’ nikkura dan l-uġigħ. L-uniku alternattiva li kelli hi li nfittex online għal nies bħali. Kont sorpriża għax sibt ħafna nies f’Malta li kienu mardu u għadhom ibatu mill-effetti. Xi wħud bħali, imma hemm oħrajn b’sintomi oħra. Nemmen li wasal iż-żmien li f’Malta l-awtoritajiet jagħmlu pass ieħor, dak li jitwaqqaf Support Group biex nies bħalna li qed inbatu minn dawn is-sintomi jkollna ma’ min nirreferu dak li għaddejjin minnu”.

Tenfasizza li “kemm se ddum tkellem tobba u jgħidulek għadna qed niskopru fuq dan il-virus. Din tensjoni u ansjetà kbira għalina.  Jien nistaqsi lili nnifsi kontinwament, jekk dan l-uġigħ hux se jgħaddi. Se nibqa’ bih jew f’xi mument jitlaq? Domanda li għadni bla tweġiba għaliha. Nemmen li għalhekk hemmm bżonn li l-awtoritajiet f’pajjiżna jwaqqfu xi struttura għalina. Ħalli jkollna ftit serħan il-moħħ”, tgħidilna l-omm.

Tiddikjara li “peress li għad m’hawn xejn jien kelli nirrikorri għal support groups barranin. Ħafna nies bħalna barra minn Malta qed jingħaqdu flimkien u jesprimu dak li qed jesperjenzaw wara li fiequ.”

Dan is-sit stħarreġ ma’ għadd ta’ persuni f’Malta, li qed jilmentaw minn sintomi li huma jemmnu li kienu kkawżati mill-Covid19.

“Saqajn minfuħin u raxx”

Jitkellem magħna John u jgħidilna li “nista’ ngħid li l-Covid19 ma kissirnix. Minħabba dak li bdejn nisimgħu b’mod partikolari l-imwiet, jien u anke l-familja kienu inkwetati. Ma kinitx ħafna qalila miegħi. Ġieli kelli xi deni mhux qawwi ħafna. Sogħla imma mhux qawwija.  Għaddieli fiż-żmien stipulat. Il-qatgħa li ħadt kienet li meta ġejt dikjarat negattiv u li kont fiqt ftit wara ħariġli raxx ma’ ġismi kollu.  Għadni xi drabi jitilgħuli ħmura f’partijiet ta’ ġismi”.

‘In-nifs qatt ma ġie kif kien qabel il-Covdi19’

“Jien bqajt bin-nifs li ma nistax ngħid li ġieli kif kien qabel imradt. Ħsibt li kienet se tkun xi ħaġa ta’ ġurnata jew tnejn. Għaddew ġimgħat u għandi xi drabi inħoss qtugħ ta’ nifs”, qaltilna mara oħra li mardet bil-Covid19 f’Settembru.

Ix-xamm u t-togħma ma ġewx lura … testijiet fuq il-pulmun

Kien hemm ukoll persuni li mardu u li wieħed mill-effetti li baqa’ wara li kienu dikjarati negattivi mill-Covid19, kien dak ix-xamm u t-togħma baqgħu ma rritornawx. “Ilni jiem li fiqt u kemm ix-xamm u kemm it-togħma għadu ma ġewx kif kienu. Din qed tinkwetani. Spiċċajt il-ħin kollu nxomm l-affarijiet ħa nara hux qed nagħmel progress. Tensjoni kbira għandi.  Se nibqa’ hekk? Din il-ħin kollu nistaqsisha.”

Jidher ukoll li hemm persuni li minħabba li baqgħu b’nifs li skont huma ma ġiex kif kien, dawn intalbu jagħmlu testijiet oħra fuq il-pulmun.

Jitkellmu persuni morda bl-ME … dawk li qed jesperjenzaw sintomi wara huma simili ta’ dawk tal-ME

Mill-istħarriġ li għamilna sibna li persuni li jbatu mill-kundizzjoni tal-ME, qed jaraw li dawk li jimirdu bil-Covid19 u anke xi wħud minn dawk li jkollhom effetti oħra wara li jfiqu, huma simili ħafna għal sintomi ta’ persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-ME.

Persuna marida bl-ME sostniet li “dawn is-sintomi aħna ngħixu bihom kuljum.  Minkejja dan ilna għal snin sħaħ kważi ħadd ma jagħi kasna.|

Bdejt kwarantina u wara tlett ijiem  bdew is-sintomi …”tgħidulix li din bħal influwenza”

“Fil-5 ta’ Ottobru mort ix-xogħol filgħodu u kont f’kuntatt ma’ persuna li rriżultat pożittiva l-għada. Ilni mis-6 ta’ Ottubru kwarantina.  Il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru bdietli ftit sogħla. Ċempilt lit-tabib u għamilt it-test filgħaxija. Qalli biex nibda l-kwarantina. Is-Sibt l-10 ta’ Ottubru u l-Ħadd 11 ta’ Ottubru kienu l-agħar. Kelli uġigħ qawwi f’sidri u tagħfis f’sidri. Ħassejt uġigħ f’dahri u f’għonqi – fil-muskoli. Bdejt nimmaġinani qisni qlajt xebgħa pajp. Il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd kont inkwetat ħafna għax bdejt nibża li se jtini xi ħaġa tant kemm weġgħani sidri. Mill-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru bdiet ukoll l-uġigħ ta’ ras.”

Ikompli li “it-tnejn 12 ta’ Ottubru, it-tabib infurmani li kont pożittiv għall-virus.  Bejn it-Tnejn u t-tlieta l-uġigħ fil-muskoli ta’ dahri u għonqi naqas u spiċċa. Imma mbagħad daħlu aktar is-sintomi l-oħra li damu aktar.  L-uġigħ ta’ ras baqa’ għaddej sa nhar il-Ħamis li għadda, jiġifieri sat-22 ta’ Ottubru. Ma waqafx.  Mit-Tnejn 12 ta’ Ottubru sal-Hadd 18 ta’ Ottubru kelli għejja li ma nafx nispjega. Telqa u nuqqas ta’ saħħa li qatt ma ħassejt f’ħajti. Kont norqod 12-il siegħa kuljum mal-lejl u xi sagħtejn wara nofsinhar. Inqum bilqiegħda biex niekol u nħoss li għandi bżonn norqod.”

“ It-Tnejn 19 ta’ Ottubru bdiet fażi oħra tal-marda. Is-sintomi kienu spiċċawli kważi kollha ħlief l-uġigħ ta’ ras  u żewġ sintomi oħra: is-sogħla u l-għejja li taqbadni wara s-sogħla. 

Is-sogħla  bdiet tonqos. Xi darba jew darbtejn kuljum kienu qed ituni attakki ta’ soghħla inkontrollabbli li jkissruni. Sogħla vojta li ma ssarraf f’xejn ħlief f’uġigħ ta’ ras u għejja u telqa kbira.  Għalaqt tlett ġimgħat ġewwa. Għamilt ġimgha minnhom iżolat f’kamra. Għandi 30 sena u m’għandix kundizzjonijiet ulterjuri. Imma ilni ġimgħatejn nieħu l-inhaler u spiċċajt żewġ misturi tas-sogħla. Fl-aħħar qed nittama li bdejt naqleb għall-aħjar.”

Jenfasizza li “tgħidulix illi dan li għaddejt minnu f’dan l-aħħar tliet ġimgħat huwa sempliċi riħ, jew imxija staġjonali. Jien qatt ma mradt hekk. Jekk inti għadek ma rajt lil ħadd bil-Covid-19 li kien batut, kuntent ghalik… għax mhux xi xena sabiħa.”

Tabib iwissi … pariri onlajn jistgħu jkunu ta’ dannu

Quddiem il-fatt li sa issa f’pajjiżna għad m’għandiex xi tip ta’ struttura biex dawn in-nies jiġu mgħejjuna fuq dawn is-sintomi ġodda li ħarġulhom wara. Sa issa lanqas hu ċar kemm hi mifruxa din is-sitwazzjoni.

Minħabba dan ħafna qed jirrikorru għal gruppi barra minn Malta fejn ma jonqsux esperjenzi oħra ta’ nies. Ma’ dan imma spiss qed ikun hemm min isemmi mediċini li ħa  u li skont hu għenuh jiġġieled dawn is-sintomi ġodda.

“Semmewli mediċini partikolari kontra l-għejja. X’nagħmel nordanhom? Inkellem li ispiżjara dwarhom? Ma qgħadx lura u staqsejt imma l-parir li ingħatajt kien li l-mediċini  l-aħjar jordnahomli it-tabib. Il-biċċa hi li meta nmur għand it-tabib jgħidli li sa issa għad m’hemmx. Spjegali li hu normali li wara infezzjoni minn virus jinħarġu xi sintomi”, qaltilna l-omm li tkellmet magħna.

Tabib li tkellem ma’ dan is-sit qalilna li “l-parir li nagħtu f’dan il-mument hu li wieħed qatt m’għandu jipprova mediċini għax xi ħadd ikunu ippruvahom u mar tajjeb. Ir-realtajiet tal-pazjenti huma differenti. Sfortunatament iva għandna min qed jikkorrispondi onlajn ma’ gruppi li qed jilmentaw minn effetti oħra tal-Covid19 li feġġu wara li fiequ.  Din hi sitwazzjoni kumpessa, għax kull persuna għandhom realtajiet differenti. Hi agħar li tmur tipprova tixtri mediċini li jisssemmew onlajn.  Din hi xi ħaġa li qed tiżviluppa issa. Lanqas it-tobba m’għandhom spjegazzjoni għal xi sintomi li dak li jkun  jgħid li qed jesperejnza. Id-dinja medika għadha qed tiskopri dwar dan il-virus.”

Jispjega li “nemmen li għandu jkun hawn xi tip ta’ struttura li fiha dawk li qed ibatu minn sintomi li ħarġu wara li fiequ, jingħataw l-ispjegazzjonijiet. Żgur li dan jekk xejn, iwassal għal inqas tensjoni u ansjetà fost dawn in-nies.”

Ekonomija

Sport