Thursday, December 26, 2024

BŻONN TA’ UE AKTAR SOĊJALI

Aqra wkoll

Ninsabu proprju ftit jiem bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Elezzjoni li
fiha l-poplu jeleġġi r-rappreżentatni tiegħu. Ma nistgħux ma nirriflettux fuq il-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Unjoni Ewropea nfisha.

Unioni Ewropea li telqet minn bidu bbażat fuq is-solidarjetà. Ibbażat fuq li fl-Ewropa ma jkunx hemm aktar gwerrer. Kienu pjani li ħadmu. Rajna Unjoni Ewropea tikber. Iddaħħal drittiiet ċivili u tressaq aktar ilpopli lejn xulxin. Wieħed ma jistax, ma jikkritikax imma li kollox kien idur ma’ Unjoni Ekonomika.

Hi ħasra li llum qegħdin naraw Unjoni Ewropea li qed titkellem b’mod regolari fuq l-armamenti. Kif se żżid l-armamenti. Kif se tinvesti aktar fl-armi, u dan bil-konsegwenzi kollha li jġib miegħu. Argument li ftit qegħdin nisimgħu min jitkellem
dwaru.

Għax wieħed irid jgħidha kif inhi li biex iżżid l-ispiża fuq l-armamenti u fuq l-armi, u l-ispiża se tiżdied sostanzjalment, irid isir tnaqqis ieħor minn bnadi oħra. Minn fejn se jsir it-tnaqqis? Min se jintlaqat? Se jkun il-qasam tal-ambjent li se jiġi
affettwat?

Se jkun il-qasam soċjali? Xi ħadd se jkun affettwat. Argument li sfortunatament ftit li xejn qegħdin nisimgħu dwaru. Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha tkun unjoni soċjali li tħares u tkun eqreb lejn iċ-ċittadini u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Nemmnu li wieħed mill-modi ewlenin li bihom l-Unjoni trid tagħmel dan huwa permezz tal-promozzjoni ta’ politika li jappoġġjaw lill-ħaddiema u lill-persuni l-aktar vulnerabbli. Ma’ dan hemm bżonn politika li jippromwovu pagi ġusti, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u protezzjonijiet soċjali għallħaddiema.

Lil hinn minn hekk, illum jinħass il-bżonn aktar minn qatt qabel li nipprijotizzaw politika li tipprovdi appoġġ lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn, bħall-anzjani, it-tfal, u persuni b’diżabilità. Unjoni aktar soċjali tfisser ukoll Unjoni aktar ekwa, li twieżen il-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna.

Ta’ dawk li qegħdin fil-qiegħ. Ta’ dawk li minkejja li jingħad li hawn il-ġid u li l-ekonomija qegħdin jikbru, jibqgħu xorta fil-qiegħ. Hi ħasra kbira li fl-Ewropa għandna min stagħna sew u mbagħad għandna ukoll sitwazzjonijiet fejn naraw faxex sħaħ tas-soċjetà jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar.

Ma nistgħux niftaħru bis-suċċessi li ksibna jekk fl-istess ħin mhux qed naraw li kull faxxa tas-soċjetà qed tibbenefika. Għad għandna ħafna li qed jgħixu fil-faqar jew qed jiffaċċjaw esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea, sitwazzjoni li qed tkompli tiggrava ma’ kull kriżi u sfida li naffaċċjaw.

Nemmnu li iva hu importanti li l-ekonomiji jimxu ’l quddiem. Imma x’jiswa li jkollna ekonomiji li jikbru imma imbagħad ikollok faxex ta’ nies li dak il-ġid ma jasalx għandhom. Sitwazzjoni simili turi li l-ġid mhux jitqassam sew. Mhux jasal
għand kulħadd.

Hi sfortuna kbira ukoll li għandna min fl-Unjoni Ewropea li qed jirraġuna li trid tgħin lil kbir, jiġifieri kumpaniji multinazzjonali u aktar għax b’hekk igawdu
dawk li jkunu taħt nett. Ir-realtà wrietna li dan ma jseħħx. Biex il-batut jogħla ’l fuq u jkollu kwalità ta’ ħajja trid tgħin lilu direttament.

U tgħinu mhux b’għajnuniet ta’ konvenjenza, imma tgħin b’mod sħiħ f’dik li hi edukazzjoni, opportunaitajiet ta’ xogħol, akkomodazzjoni u oqsma oħra. Nemmnu li din hija ġlieda kontienwa li rridu nibqgħu nżommu fuq nett tal-aġenda tagħna biex nassiguraw aċċess għall-istess opportunitajiet u benefiċċji, irrispettivament
mill-isfond jew l-istatus soċjali tal-persuna.

Ekonomija

Sport