Friday, December 13, 2024

“Bżonn t’aktar ħidma biex il-hate crimes u l-hate speech jingħataw definizzjoni komuni fuq livell Ewropew”

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja, organizzata mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’Lille.

Id-diskussjoni matul il-laqgħa ffukat fuq tliet temi prinċipali; sitwazzjonijiet familjari transkonfinali u r-rikonoxximent bejn l-istati membri ta’ parentela stabbilita fl-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni ta’ vittmi minuri u sistemi ta’ twissija għall-ħtif tat-tfal, kif ukoll dwar il-ġlieda kontra l-mibegħda online u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-pjattaformi diġitali.

Waqt l-intervent tiegħu dwar sitwazzjonijiet familjari transkonfinali, il-Ministru Zammit Lewis qal li hemm bżonn li f’kull sitwazzjoni d-drittijiet tat-tfal jiġu mħarsa bir-reqqa, għaliex huma l-fulkru tas-soċjetà. Huwa sostna dwar l-importanza li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li żied jgħid li dan għandu jwassalna sabiex nilħqu l-għan prinċipali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak li niżguraw li d-drittijiet tat-tfal jiġu mħarsa, protetti u rispettati fil-prattika.

Il-Ministru Zammit Lewis kompla billi saħaq fuq l-importanza li nipproteġu l-vittmi minuri. Huwa qal li kull minuri huwa speċjali, u għandu d-dritt li jħossu sigur u protett, filwaqt li saħaq li huwa d-dover ta’ kull politikant li jiżgura li l-minuri jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ. Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-gvern Malti ħadem qatigħ biex jiżgura li kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tiġi implimentata b’mod sħiħ.

Fid-diskussjoni dwar il-ġlieda kontra l-mibegħda online, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-hate crimes u l-hate speech m’għandhomx fruntieri, speċjalment biż-żieda fl-użu tal-midja soċjali u pjattaformi oħra online. Huwa qal li għal din ir-raġuni għandha ssir ħidma aktar b’saħħitha sabiex dawn il-vittmi jiġu mħarsa adegwatament. “Fi kwalunkwe soċjetà, m’hemm ebda lok għall-mibgħeda, aktar u aktar f’soċjetajiet bħal tagħna li huma msejsa fuq valuri Ewropej imnaqqxa fit-Trattati”.

Ekonomija

Sport