Sunday, December 22, 2024

Camilleri, Cremona jirbħu l-unuri fl-iSportMalta Charity Marathon

Aqra wkoll

Alan Camilleri kien viżibilment emozzjonat meta kien l-ewwel li temm l-iSportMalta Charity Marathon illum f’Tas-Sliema. Camilleri, lie kien wieħed mill-favoriti li jikseb riżultat tajjeb temm id-distanza f’2 sigħat 33 minuta 18-il sekonda. Camilleri beda t-tellieqa sew wara l-favorit ieħor Andrew Grech li kien fuq quddiem sa Santa Venera meta Camilleri qabeż biex għamel triqtu lejn l-ewwel rebħa tiegħu.  Grech li spiċċa fit-tieni post f’ħin ta’ 2:41:43. Fit-tielet post kien Clyde Sciberras, li spiċċa f’ħin ta’ 2:56:40.

It-tellieqa tan-nisa ntrebħet minn Margaret Cremona, li ġejja mix-xena tat-triathlon u li kienet qed tieħu sehem fl-ewwel Maratona tagħha. Hija spiċċat id-distanza fi 3:32:45. Hija kienet segwita minn Olwyn Dunne li spiċċat kważi sitt minuti warajha. Sarah Nicols kisbet it-tielet post fuq il-podju tan-nisa f’ħin ta’ 3:44.05. It-tieni mara Maltija li spiċċat kienet Marquita Muscat segwita minn Camilla Higgins.

Nofs Maratona

Iċ-Champion Nazzjonali Malti Dillon Cassar wera l-forma dominanti tiegħu hekk kif spiċċa t-tellieqa f’1:05:17. Cassar li bħalissa ilu jiffoka fuq tiġrijiet ta’ 5k u 10k bi tħejjija għan- -Nofs Maratona fil-Logħob tal-Mediterran f’Oran, kien favorit iżda r-riżultat tal-lum kien ferm aħjar minn dak mistenni. Cassar spiċċa kważi ħames minuti qabel Luke Micallef. Fit-tielet post kien Simon Spiteri, li tellaq ras’imb’ras ma Charlton Debono fl-aħħar parti tat-tellieqa iżda eventwalment għeleb lil-Debono għat-tielet post.

Il-favoriti Roberta Schembri u Lisa Bezzina ġrew għal ħafna mir-rotta flimkien ma’ xulxin, madankollu fl-aħħar kienet Schembri li ħarġet rebbieħa. Schembri spiċċat it-tellieqa f’1:17:35, segwita minn Lisa Bezzina. Bezzina, li riċentament ġriet l-ewwel Maratona tagħha f’Valencia. Bezzina spiċċat f’1:19.01. Fit-tielet post kienet l-atleta Irlandiża Catherine Thornton li għamlet ħin ta’ 1:22.42. It-tielet Maltija li spiċċat kienet Doreen Camilleri.

“It-tellieqa tal-lum kienet li tagħti l-opportunità lill-atleti jiġru f’Malta, wara xhur ta’ preparazzjoni. Minkejja ż-żmien qasir li kellna biex norganizzaw din it-tellieqa, is-sinerġija bejn l-entitajiet kollha għamlitha possibbli li ssir tellieqa ta’ suċċess” stqarr  Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta. Ir-riżultati miksuba għamilna kburin li naraw ħafna Maltin jieħdu posthom fuq il-podju, partikolarment peress li kien hemm preżenza internazzjonali qawwija. F’isem it-tim nifraħ lil dawk kollha li ħadu sehem”.

L-iSportMalta Charity Marathon ġiet organizzata b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta u saret taħt l-awspiċji ta’Athletics Malta. L-organizzaturi jixtiequ jirringrazzjaw lill-Klabbs tat- lokali Birkirkara St Joseph Sports Club u Agones SFC għall-għajnuna loġistika imprezzabbli tagħhom.

Ekonomija

Sport