Il-karozza BMW li tajret lil Pelin Kaya waqt li kienet miexja fil-Gżira f’Jannar li għadda kienet qed tinstaq b’veloċità ta’ 75 kilometru fis-siegħa u s-sewwieq ma kienx uża l-brejkijiet.
Dettalji dwar il-mument tal-impatt ħarġu waqt ix-xhieda tal-espert tal-Qorti Mario Buttigieg li nħatar fl-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident li fih inqatlet Pelin, mara Torka ta’ 30 sena.
Pelin kienet sejra tiltaqa’ mal-għarus tagħha wara li ċċelebrat għeluq sninha ma’ xi ħbieb. Fil-lejl tat-18 ta’ Jannar, hija kienet miexja quddiem il-pompa tal-petrol ta’ Paul & Rocco xħin intlaqtet minn karozza misjuqa mill-imputat Jeremie Camilleri.
Filmati tas-CCTV urew il-mument tal-impatt kif ukoll ix-xufier ħiereġ mill-karozza u allegatament jitfa’ xi ġebel fid-direzzjoni tal-vittma li dak il-ħin kienet fuq il-bankina ma tiċċaqlaqx.
Camilleri qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ omiċidju volontarju fost sensiela ta’ akkużi oħra. Hekk kif il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu ssoktat matul il-jum tat-Tlieta, il-Qorti semgħet kif ix-xufier laqat lill-vittma li kienet miexja fuq il-bankina.
Il-BMW telgħet fuq il-bankina bl-istess veloċità (75km/h), qal l-espert, filwaqt li spjega kif kien wasal għal dik il-konklużjoni. Ir-riżultati indikaw li s-sewwieq ma kienx applika l-brejkijiet.
Il-karozza involuta f’dan l-inċident ġiet sussegwentement iċċekkjata minn esperti oħra u dawn il-kontrolli ma wrew li kien hemm xejn difettuż. “Lanqas għas-sistema tal-brejkijiet,” staqsiet il-Maġistrat Rachel Montebello, bix-xhud iwieġeb “kollox kien tajjeb.”
Il-każ ikompli.
L-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonnett u Nathaniel Falzon qed imexxu l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra. L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għall-imputat.
L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard dehru parte civile.